Melvin Theuma, li ammetta li kien l-intermedjarju fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, irrifjuta li jixhed quddiem il-Qorti, f’kawża separata, dwar post tax-xogħol li allegatament ingħata mal-Gvern.
Theuma deher quddiem il-Qorti bħala xhud f’kawża kontra ħamsa min-nies, li jinkludi l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u n-negozjant Yurgen Fenech.
Huwa għażel li ma jixhidx wara li tqajjem dubju dwar jekk il-maħfra Presidenzjali li ngħata għall-irwol tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia, tkoprix dan il-każ ukoll.
Id-Difiża qalet li dak kollu li stqarr Theuma qabel deher il-Qorti b’rabta ma’ inkjesta maġisterjali għandu jiġi irtirat. Il-Qorti ssospendiet is-seduta għal madwar siegħa u nofs sabiex il-Posekuzzjoni jkollha ċans twieġeb. Meta kompliet is-seduta, il-Prosekuzzjoni qalet li dak li stqarr Theuma ma jistax jiġi irtirat f’dan l-istadju.
Il-Maġistrat iddifferiet il-każ għall-ħdax ta’ Ottubru, meta se tiddeċiedi jekk tneħħix ix-xhieda ta’ Theuma mill-każ.