Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2018 organizzat mill-Moviment Kerŷgma din is-sena intrebaħ minn Mellieha Youth. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mill-President tal-Moviment Kerŷgma, is-Sinjura Bernice Micallef fl-1 ta’ Frar 2019. L-għan tal-premju hu li jingħata ġieħ u għarfien lil żgħażagħ li bl-emgħil, bil-karattru, bl-attivita’ u bl-eżempju ikunu ta’ xhieda nisranija għal sħabhom iż-żgħażagħ.
L-Arċisqof Emeritus Pawl Cremona O.P. qaddes il-quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat, u wara ppresieda fuq iċ-ċerimonja tat-tħabbir tar-rebbieħ. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm is-Sinjura Bernice Micallef, President tal-Moviment Kerŷgma, Dr Romina Cuschieri Ċermen tal-Board tal-Għażla, is-Sur Jeremy Vassallo jirrapreżenta lil-APS Bank u mistednin distinti oħra fosthom is-soprano Amy Marie Borg. It-trofew Premju Żagħżugħ tas-Sena ingħata lil-Sarah Vella li kienet qed tirrapreżenta lil Mellieha Youth mill-Arċisqof Emeritus.
Mellieha Youth huwa grupp soċjo-reliġjuż ta’ żgħażagħ minn 12-il sena l-fuq li nħoloq fil-bidu tas-snin 2000. Il-motto tagħhom huwa “Moving Forward Together – Reach, connect, grow, discover”. Apparti mill-laqgħat ta’ kull ġimgħa, ż-żgħażagħ jorganizzaw numru ta’ attivitajiet regolari għal karità biex dak li jiddiskutu fil-laqgħat, jattwawh fir-realtà. Fost dawn l-attivitajiet insibu:
L-użu ta’ l-arti tal-palk biex iħeġġu team-work. Kull sena jtellgħu żewġ produzzjonijiet – pantomima oriġinali għall-Milied u musical għal żmien l-Għid jew għall-btajjel tas-sajf.
Iklijiet, barbecues u attivijiet simili. Hawn iż-żgħażagħ jitgħallmu kif jippreparaw u jservu l-ikel bl-għajnuna ta’ nies bl-esperjenza u jagħmlu kollox li jkun hemm bżonn.
Live-ins u funzjonijiet reliġjużi biex isaħħu r-ruħ. Dawn jiġu organizzati fuq weekend biex iż-żgħażagħ jkunu jistgħu jinqatgħu mill-ħajja ta’ kuljum u jagħtu aktar attenzjoni lir-ruħ.
Fund-raising għal min hu fil-bżonn. Jorganizzaw attivitajiet kemm jista’ jkun varjati– attivijiet barra ta’ ġurnata jew ġewwa ta’ ġimgħatejn. Dawn jinkludu il-Festa Familja, Christmas Market, Maratona ta’ 48 sieha, u l-ikla tal-Passover. Id-dħul kollhu jmur għal min hu fil-bżonn.
Xogħol Voluntarju fl-Lourdes. Il-Mellieha Youth ilhom dawn l-aħħar 17-il sena jingħaqdu mall-Assocjazzjoni Voluntarji Lourdes biex jgħinu lil-morda u x-xjuħ. Bla dubju dan huwa l-iżjed xogħol importanti tal-Mellieha Youth u l-parti l-kbira tal-fondi li jiġbru jmorru għal din l-attività. Hawnhekk iż-żgħażagħ jesperjenzaw bil-fatti dak li jiddiskutu fil-laqgħat ta’ kull ġimgħa. Jiltaqgħu ma’ nies minn kull sfond tal-ħajja u jesperjenzaw il-ferħ li tagħti mingħajr ma tistenna xejn lura. Numru kbir ta’ żgħażagħ imorru biex jagħmlu din l-esperjenza kull sena.
Attivitajiet Soċjali u exchanges. Il-grupp jinvolvi ruħu f’ċittadinanza attiva u parteċipazzjoni sew jekk tkun attività lokali bħal Milied Mellieħi u sew bi bdil ta’ żgħażagħ minn pajjiżi oħra.
Iż-żgħażagħ nominati għal dan il-Premju kienu: Grupp Żgħażagħ Corpus Christi, Għasri, Matthew Deguara mis-Siġġiewi, Mellieha Youth u Sezzjoni Żgħażagħ – Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija, Żebbuġ Għawdex.
Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma.