Melita Limited, bħala parti mill-isforzi tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju, bdiet tniedi flotta ġdida ta’ vetturi eletriċi biex jintużaw mill-istaff tekniku tagħha. Fl-istess waqt, impjegati oħra, li għandhom bżonn jivvjaġġaw waqt il-ħin tax-xogħol qed jużaw servizzi ta’ ridesharing.
Harald Roesch, il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita Limited, qal, “Bħala wieħed min-negozji ewlenin tat-telekomunikazzjoni f’Malta, f’kwalunkwe ħin ikollna numru ta’ vetturi li qed jintużaw fit-toroq. Minħabba li l-effetti tal-bdil fil-klima qed isiru dejjem aktar evidenti, hi r-responsabbiltà tagħna lkoll li nsibu metodi kif innaqqsu b’mod sinifikanti dawn l-emissjonijiet. Melita tieħu din ir-responsabbiltà bis-serjetà u qed naħdmu biex niksbu stat ta’ newtralità fir-rigward ta’ emissjonijiet fil-karbonju sal-2023. Għalhekk it-tnedija ta’ vetturi elettriċi hu pass importanti biex niksbu dan il-għan.”
Il-vannijiet elettriċi ġodda ta’ Melita huma tat-tip Nissan Env200 Evalia, u għandhom firxa ta’ 190 kilometru meta ċċarġjati u effiċjenza ta’ 20kWh għal kull 100 kilometru. Il-vetturi qed ikunu introdotti fil-flotta tal-Melita hekk kif il-vetturi l-qodma waslu fit-tmiem tas-servizz tagħhom.