Melita Limited kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala l-fornitur ewlieni ta’ servizzi tat-TV f’Malta, bin-numri tal-abbonati tagħha issa jaqbżu l-100,000. Dan hu ekwivalenti għal sehem mis-suq ta’ madwar 60 fil-mija. Dan it-tragward isegwi statistika ppubblikata mill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni li wriet lil Melita bħala l-mobile operator li qed jikber bl-iktar mod mgħaġġel f’Malta.
Simon Poljask, il-Maniġer tat-TV u Servizzi Fissi ta’ Melita Limited qal, “Melita qegħda tkompli tkabbar in-negozju tagħha fuq bosta segmenti hekk kif l-investimenti sinifikanti li wettaqna fl-impjegati tagħna, fit-teknoloġija, u fil-kontenut ikomplu jagħtu r-riżultati mixtieqa.”
Il-klijenti ta’ Melita għandhom għażla ta’ offerti tat-TV imwassal permezz ta’ 8 stazzjonijiet HD fuq TSN, u kontenut ta’ divertiment ta’ kwalità għolja permezz tal-ogħla numru ta’ stazzjonijiet. Dawn jinkludu wkoll xi stazzjonijiet esklussivi bħal Top Crime, BBC Earth HD u Family Movies HD.
Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-industrija tal-produzzjonijiet lokali, Melita investiet ukoll fid-drittijiet tal-iskrining għal diversi serje Maltin. L-Avukat Gawdenz Bilocca se jkun miżjud ma’ din il-lista dalwaqt, biex b’hekk ikompli jikber il-kontenut li hu esklussiv għal Melita disponibbli fuq On Demand ma’ NexTV.
Il-klijenti kollha ta’ Melita TV issa għandhom set-top boxes ta’ definizzjoni għolja (HD); aktar minn nofs il-klijenti ta’ Melita għandhom aċċess għat-TV ewlieni permezz decoder NexTV interattiv tal-aħħar ġenerazzjoni. B’NexTV, l-abbonati ta’ Melita jistgħu jirrekordjaw u jaraw il-programmi favoriti tagħhom sa seba’ t’ijiem b’lura. Hu wkoll possibbli li persuna tara sa erba’ programmi differenti minn erba’ apparati differenti f’ħin wieħed, kemm ġewwa kif ukoll barra mid-dar.
Melita TV, hu disponibbli bħala parti mill-offerta Flexi Bundle ta’ Melita li tibda minn €32.99 fix-xahar inkluż internet li jaħdem fil-fibra, telefon u Melita WiFi. Flexi bundles li jinkludu l-mobile huma disponibbli wkoll, bi benefiċċji addizzjonali għall-klijenti.