Matul is-seba’ snin li ġejjin, il-kumpanija Meltia se tkun qed tinvesti €50 fin-netwerks tagħha bil-għan li twassal il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ veloċitajiet tal-internet u livell ta’ affidabbiltà mingħajr limitu.
Il-kumpanija qalet li dan se jippermetti biex pajjiżna jibqa’ jkun l-aqwa fl-Ewropa. Dan fl-istess waqt li wkoll diġà beda l-iżvilupp b’saħħtu għall-qalba diġitali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Quad Business Centre fl-Imrieħel, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Melita, Harald Roesch, ħabbar il-bidu ta’ ‘Road to 10 Gigabits’ billi, permezz ta’ preżentazzjoni live, introduċa t-teknoloġija li se tlaħħaq veloċità ta’ mhux inqas minn 10 Gigabits – jew 10,000 Megabits. Dan kollu sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri.
Il-Ministru qal li Malta tinsab fis-sitt post fl-Ewropa bħala ekonomija diġitali u faħħar lill-kumpanija Melita talli dejjem kienet minn tal-ewwel biex tinvesti f’Malta. Qal li dak li tnieda se jkun qed jittrasforma l-mod kif ngħixu, naħdmu u nikkomunikaw, waqt li jħejji lil Malta għar-rivoluzzjoni diġitali li jmiss.
Qal “Mingħajr dawn it-tip ta’ investimenti, dik imbagħad l-investiment li nkunu rridu nattiraw lejn pajjiżna li għandhom x’jaqsmu mal-aspett diġitali, ma jkunx possibbli li jkunu jistgħu joperaw. Allura dan l-investiment ikompli jmur pari passu mal-politika tal-Gvern ħalli naraw kif issir it-trasformazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna, filwaqt li tkompli tavvanza ’l quddiem u jinħoloq il-ġid. Dan il-ġid jista’ jinħoloq bir-realtajiet il-ġodda li qegħdin naraw għal pajjiżna.”
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Melita qal li issa qed jimmiraw lejn il-livell li jmiss ta’ veloċitajiet tal-Internet, għax meta jasal iż-żmien li l-apparat li nużaw ikun evolva jibdew jinfixru aktar applikazzjonijiet ġodda, fosthom dik bl-intelliġenza artifiċjali, in-netwerk tal-Melita se jkun lest għall-ħtiġijiet il-ġodda li dawn se jġibu magħhom.
Fl-istess konferenza ngħad li l-Melita hi l-unika kumpanija tat-telekomunikazzjoni f’Malta li qed taħdem biex tilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima billi tnaqqas il-gassijiet serra u b’hekk trażżan it-tisħin globali b’1.5 gradi Celsius.
Qal “Qed nippjanaw biex inkunu nistgħu nagħtu servizzi 10 gig lill-klijenti u biex tagħmel dan il-pass trid taħseb u tagħmel ix-xogħlijiet. Issa bdejna fl’2022 u 2023 f’postijiet bħal Ħ’Attard, Pembroke u Baħar iċ-Ċagħaq u eventwalment bil-mod nagħmlu Malta u Għawdex kollu.”