Melita dawru telfa f’rebha ta’ 3-1 konta Zabbar SP, b’dawn tal-aħħar ipattu qares għan-numru ta’ ċansijiet ta’ skor li tilfu tul id-90 minuta, b’din tkun is-sitt telfa konsekuttiva għalihom.
Kienu Zabbar li ħolqu l-ewwel periklu fir-raba’ minuta meta konklużjoni mid-distanza ta’ Diogo Joao Tavares intemmet għoli.
Huma komplew fuq l-offenisva u minuta biss wara Leonardo Agius kellu cans tad-deheb li jiftaħ l-iskor għaż-Żabbarin iżda sab lill-goalkeeper ta’ Meilta Gosef Mizzi attent li ħareġ barra minn postu u interċetta kull periklu.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Zabbar u fit-13-il minuta rebħu penalty meta Marc Van De Font Bovenkamp waqqa’ lil Stefan Ilic fil-kaxxa. Mill-1il metru, inkariga ruħu BRIAN GAMBARTE li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Miizzi n-naħa opposta, b’dan ikun it-tieni goal tiegħu matul dan l-istaġun.
Huma komplew jippressaw u fil-25 minuta kellhom ferħa bla temma meta Dorde Jovicic mill-viċin tefa’ ġewwa iżda r-referee Fyodor Zammit kien pront u ħassar dan il-goal minħabba li ġġudika li Jovicic kien jinsab f’pożizzjoni ta’ offside.
Izda kontra x-xejra tal-loghob Melita ġabu l-iskor indaqs fl-40 minuta meta wara nuqqas ta’ attenzjoni f’nofs il-ground mill-players ta’ Zabbar, Alan Borg Olivier għadda tajjeb lejn ANDRE PENHA DA COSTA li dar tajjeb mal-goalkeeper ta’ Zabbar, Matthew Grech, qabel tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Zabbar ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jerġgħu jaqilbu l-iskor favurihom u fit-52 minuta Stefan Ilic venven xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali li ħareġ l-aħjar ta’ Mizzi li salva bi bravura.
Huma komplew fuq l-offensiva u tliet minuti wara Gambarte approfitta minn inġenwitá fid-difiża ta’ Melita, avvanza tajjeb, ipprova jdur ma’ Mizzi iżda dan tal-aħħar kien attent u rnexxielu jinterċetta l-ballun fil-ħin.
Zabbar komplew jippressaw u mas-siegħa logħob, Leonardo Agius għadda through pass lejn Diogo Joao Tavares li kellu x-xutt tiegħu mill-viċin salvat parzjamamanat minn Mizzi, bid-difiża ta’ Meilta tikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u minuta biss wara Stefan Ilic għadda tajjeb lejn Wallace Bonilha Felix li permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa tefa’ barra.
U għal darb’oħra kontra x-xejra tal-logħob, Melita dawru l-iskor favurihom fl-64 minuta permezz ta’ xutt mill-isbaħ mid-distanza ta’ KARL MOHNANI li ma ta l-ebda cans lil Matthew Grech.
Żewġ minuti biss wara rebħu penalty meta Matthew Grech waqqa’ lil Andre Penha Da Costa fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu MATTHEW DEBATTISTA li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ konklużjoni ċentrali tefa’ l-ballun fix-xibka.
Melita ħadu r-riedni tal-logħba għal kollox f’idejhom b’Zabbar jikkrollaw għal kollox u fit-73 minuta Andre Penha da Costa kellu xutt minn pożizzjoni angolata minn ġol-kaxxa taħbat max-xibka minn barra biex ta l-illużjoni tal-goal.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Fyodor Zammit
Plejer tal-Logħba: Andre Penha Da Costa (Melita FC)