Wara li żammew lil Floriana fi draw ta’ 3-3, kien imiss lil Marsaxlokk li jduqu l-mediċina morra ta’ Melita meta sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1, b’din tkun it-tieni telfa konsekuttiva għal Marsaxlokk u l-ewwel rebħa għal Melita.
Melita kienu organizzati minn kull lat f’kull dipartiment, b’Marsaxlokk iwettqu reazzjoni tajba wara li sofrew il-goal ta’ Melita iżda xorta waħda gew ikkastigati mill-Ġiljaniżi permezz tal-goal tar-rebħa.
Kienu Melita li ħolqu l-ewwel periklu fit-12-il minuta meta xutt tal-captain Jean Pierre Attard kellu s-saħħa iżda mhux il-preċiżjoni u ntemm barra.
Marsaxlokk wieġbu fid-29 minuta u tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Leandro Aguirre xeħet cross lejn Patrick Nonato li żmarkat għal kollox kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra, bil-goalkeeper ta’ Melita, Gosef Mizzi, megħlub għal kollox.
Iżda kienu Melita li fetħu l-iskor fit-42 minuta meta Jean Pierre Attard għadda tajjeb lejn ANDRÉ CARLOS PENA DA COSTA li għeleb in-nasba tal-offside, avvanza tajjeb fil-kaxxa u b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa.
Marsaxlokk wieġbu tliet minuti wara permezz ta’ xutt mill-ewwel minn ġol-kaxxa ta’ Enmy Manuel Pena Beltre li għadda ftit barra.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Marsaxlokk u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u fid-49 minuta, wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Ryan Scicluna għola tajjeb iżda kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Melita wieġbu żewġ minuti wara meta André Carlos Pena da Costa għal ftit m’għamilx kuntatt mal-ballun wara li rċieva minn cross mix-xellug, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-61 minuta Andres Jesus Yepez Moriets kellu xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa li ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper Serb ta’ Marsaxlokk, Marko Drobnjak, fejn hawnhekk Yepez żgur li seta’ għamel aħjar billi għadda l-ballun lejn Kurt Bondin li kien f’pożizzjoni iktar favorevoli.
Marasxalokk ġabu l-iskor indaqs mill-azzjoni li segwiet minuta biss wara meta s-sostitut ALEX DE AGUILAR GOMES temm azzjoni personali permezz ta’ xutt angolat fil-baxx minn tarf il-kaxxa li ġie devjat għal ġewwa minn player ta’ Melita, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-66 minuta Jose Ulises Arias kellu xutt b’saħħtu mid-distanza li ntemm ftit għoli.
Ix-Xlukkajri komplew jieħdu l-inizjattiva u fl-74 minuta reġgħu ħolqu l-periklu permezz ta’ xutt insidjuż ta’ Yuri De Jesus Messias li ntemm ftit barra.
Iżda kienu Melita li skorjaw il-goal tar-rebħa żewġ minuti wara meta ANDRÉ CARLOS PENA DA COSTA qabeż lid-difensur Karl Micallef, avvanza tajjeb fil-kaxxa u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Marsaxlokk tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta s-sostitut Igor Leandro Do Nascimento wara li rċieva mingħand Nikolai Muscat, kellu t-tentattiv tiegħu minn taħt il-lasta jaħbat ma’ sieq il-wiefa, b’Melita jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jippressaw u fid-89 minuta Yuri De Jesus Messias kellu x-xutt tiegħu li għadda barra, fejn hawnhekk żgur li l-iskorer prolifiku Brażiljan seta’ għamel ħafna aħjar.
Għalkemm bi pressjoni kontinwa minn Marsaxlokk, Melita, komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Glen Tonna
Plejer tal-Logħba: André Carlos Pena Da Costa (Melita)