Kien jonqos biss il-konfront bejn Melita u Hamrun S. biex jiġi inkurunat tmiem il-ġimgħa ta’ futbol mit-360 Sports Malta Premier mimli sorpriżi u hekk ġara, meta Melita għelbu lil Hamrun bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewg goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima.
Kienet rebħa meritata għal Melita, b’Hamrun jonqsu milli jwettqu reazzjoni wara li sofrew l-ewwel goal kmieni fil-partita.
Qabel il-partita saret preżentazzjoni lill-attakkant ta’ Hamrun Spartans, Raphael Lopes Silva, bħala l-MVP ta’ Jannar mir-rappreżentant ta’ LifeStar Insurance, Roberto Apap Bologna.
Kienu Melita li ħolqu l-ewwel periklu fit-13-il minuta meta Andre Penha da Costa għadda pass fit-tul fil-kaxxa, bil-goalkeeper ta’ Hamrun Henry Bonello joħroġ barra minn postu fit-tentattiv li jinterċetta l-ballun, iżda pront kien JESUS ANDRES YEPEZ MORLETS u b’xamma kbira għall-goal mill-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Hamrun u żewġ minuti wara freekick ta’ Raphael Lopes Silva għadda ftit barra. Fis-16-il minuta xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa tal-istess Lopes Silva ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper Pollakk ta’ Melita, Andrzej Aleksander Lubik .
Żewġ minuti wara Hamrun kellhom ferħa bla temma meta kellhom goal imħassar minħabba offside meta Raphael Lopes Silva qabeż tajjeb lil Lubik u tefa’ l-ballun f’lasta vojta, iżda l-goal tiegħu ma ġiex konvalidad.
Iżda kienu Melita li resqu viċin li jirduppjaw l-iskor fit-42 minuta meta Santiago Perlaza Martinez indirizza cross fid-direzzjoni ta’ Aldair Pena Simanca, li kellu d-daqqa ta’ ras b’saħħitha tiegħu minn taħt il-lasta tintemm ftit għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Melita komplew bl-istess ritmu ta’ tmiem l-ewwel waħda u fil-50 minuta rebħu penalty meta Mayron waqqa’ lil Andres Camilo Gonzales Sanchez fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-ispeċjalista ALAN BORG OLIVIER li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Bonello n-naħa opposta.
Hamrun wieġbu fit-62 minuta permezz ta’ xutt insidjuż mid-distanza ta’ Mayron li ġie salvat tajjeb minn Lubik.
Huma tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jnaqqsu l-marġni tal-iskor u jidħlu lura fil-partita u ħames minuti wara Elionay Freitas Da Silva ttanta xortih permezz ta’ xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa li ntemm ftit barra.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, b’Melita jkomplu jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer tal-Logħba: Jesus Andres Yepez Morlets (Melita FC)