Melita ħasdu lil Floriana meta bl-aktar mod meritat, hekk kif il-Greens xejn ma mpressjonaw, għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima.
Kienu Melita li ħarġu fuq l-offenisva u proprju fl-ewwel periklu li ħolqu wara biss żewġ minuti fetħu l-iskor permezz ta’ xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa ta’ MATTHEW DEBATTISTA li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Kanadiż ta’ Floriana Alexandre-Yann Filon li kien qed jiddebutta fil-Malta Premier wara li diġá kien utilizzat mil-Greens fil-konfront mill-Meridianbet FA Trophy kontra Xewkija Tigers.
Huwa kien qed jieħu post il-goalkeeper Christoffer Mafoumbi li kien qed jiskonta logħba sospensjoni. Min-naħa l-oħra Melita kellhom lill-captain Jean Pierre Attard nieqes minħabba l-istess raġuni. Ghalihom iddebutta l-player Kolumbjan Andres Camillo Sanchez Gonzalez.
Floriana wieġbu fil-21 minuta permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa ta’ Fernandinho li ntemm ftt għoli.
Il-pressjoni kienet kollha fuq il-Greens u fit-38 minuta Julian Gonzalo Gamarra ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li sab lill-goalkeeper Pollakk ta’ Melita, Andrzej Lubik, attent li salva tajjeb minn mal-art.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u żewġ minuti biss wara Dunstan Vella bir-ras nizzel il-ballun lejn Jake Grech li kellu x-xutt tiegħu fuq id-dawra minn ġol-kaxxa jgħaddi ftit għoli.
Madankollu, kontra x-xejra tal-logħob kienu Melita li kważi rduppjaw l-iskor fil-45 minuta permezz ta’ konklużjoni fil-baxx minn pożizzjoni ideali tal-iskorer prolifiku Brażiljan, Andre Carlos Penha Da Costa, li għaddiet tħakkek ma’ sieq il-wieqfa, bi Floriana jeħilsuha ħafif.
Ta’ nota huwa l-fatt li fil-mistrieħ inbidel ir-referee Daniel Casha mlr-raba’ uffiċjal Alex Johnson minħabba li tal-ewwel sofra injury.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Floriana ħarġu ferm aggressivi u fis-47 minuta Fernandinho indirizza cross li sab lil Carlo Zammit Lonardelli li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Huma komplew jattakkaw u żewġ minuti biss wara resqu ferm viċin li jġibu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Jake Grech, Franklin Sasere, kellu t-tentattiv tiegħu salvat f’corner b’mod stupend minn Lubik, biex salva goal ċert.
Madankollu, Floriana nqabdu bit-transizzjoni pożittiva ta’ Melita u kienu dawn tal-aħħar li rduppjaw l-iskor fit-63 minuta meta Penha Da Costa għadda tajjeb lejn Marc Van De Font Bovenkamp li min-naħa tiegħu pprova jqabbeż il-ballun minn fuq Fillion li salva parzjalment, b’difensur ta’ Floriana jipprova jsallva l-ballun bir-ras, iżda pront kien KURT BONDIN li mir-rebound minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, b’Melita jkomplu jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Daniel Casha / Alex Johnson
Plejer tal-Logħba: Andrzej Lubik (Melita FC)