Melita, kumpanija ewlenija li toffri servizzi ta’ telekomunikazzjoni nediet s-sistema ta’ 5G madwar il-pajjiż kollu.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita qal li dan l-investiment huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’pajjiżna u ser ikun qed jieħu lil Malta f’era ġdida fejn ser jkun qed joffri benefiċċji kbar għal klijenti fosthom in-negozji.
L-investiment li qed isir b’kollaborazzjoni ma’ Ericcson, kumpanija Żvediża li tinsab minn ta’ quddiem f’servizzi ta’ telekomunikazjoni qed taħdem ma’ Melita billi toffri dan is-servizz f’pajjiżna.
Melita saħqet li din it-teknoloġija hija sigura u mhux ser tkun ta’ deterrent għas-saħħa tan-nies.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri. Huwa laqa’ dan l-investiment b’mod pożittiv fejn innota l-ħtieġa li l-pajjiż igawdi minn infrastruttura teknoloġika aħjar, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija meta ħafna attivitajiet qed isiru b’mod virtwali.
Qal, “Anki f’pandemija naraw li x-xogħol jibqa’ għaddej fosthom anki b’teleworking u anki servizzi oħra. Dan kollu għaliex kien hemm investiment qawwi fl-infrastruttura tagħna.
Minn naħa tiegħu Simon Montanaro, Kap tat-teknoloġija ta’ Melita Limited tkellem dwar il-benefiċċji ta’ tali sistema, fosthom il-qawwa tal-internet f’kull post.
Spjega, “Issa nippubblikaw ir-riżultati kollha għax stendejna s-servizz ma’ Malta kollha u tistgħu taraw li fuq il-websajt tagħna iż-żieda fl-emmissjonijiet hija inqas minn 1% minn dak li huwa stabbilit mir-regolamenti”
Bħala parti minn ammont ta’ provi li saru tas-sistema kien hemm l-artist Matthew James Borg flimkien ma’ grupp ta’ mużiċisti fejn irrekordjaw filmat f’ħin reali minn erba’ lokalitajiet differenti. Waqt din il-prova kienet qed tintuża din is-sistema li illum hija aċċessibbli madwar il-pajjiż kollu.
Qal, “Permezz tal-5G id-dewmien ta’ meta nota tmur minn post għall-ieħor naqset ħafna. Allura tista’ illum il-ġurnata, ndoqqu flimkien imma minn postijiet differenti.”