Wara ż-żjara tiegħu f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħat, fejn kien qed ifittex postijiet għall-ġbid tas-sequel tiegħu tal-‘Passion of the Christ’, iċ-ċelebrità ta’ Hollywood Mel Gibson tant baqa’ impressjonat b’dak li sab u skopra li għadu kif ikkonferma li se jaħdem serje televiżiva limitata dwar l-Assedju l-Kbir tal-1565.
Waqt li ddeskrieva dan l-episodju fl-istorja ta’ Malta bħala inkredibbli, stqarr li mhemm l-ebda post aħjar biex tinġibed din is-serje jekk mhux f’pajjiżna stess.
Gibson, magħruf fir-rwol tiegħu ta’ attur għal diversi blockbusters mal-milja tas-snin, bħal ‘The Patriot’, ‘Mad Max’ u s-serje ‘Lethal Weapon’, fost ħafna oħrajn, maż-żmien ipproduċa u dderieġa numru ta’ kapolavuri ċinematografiċi oħrajn, inkluż ‘Braveheart’, li ħadem ukoll fih, u ‘The Passion of the Christ’.
F’intervista ppubblikata l-Ġimgħa mis-sit MovieWeb, fejn ittratta l-film il-ġdid tiegħu ‘Monster Summer’, li mistenni joħroġ fil-jiem li ġejjin, u ż-żjara riċenti tiegħu f’Malta għal xeni addattati għas-sequel tal-ġrajja Bibblika, Gibson żvela b’entużjażmu li, minbarra dan, qed jaħdem fuq serje limitata għat-televiżjoni dwar l-Assedju ta’ Malta, li se tinġibed fl-istess post fejn seħħet u l-fortizzi eżistenti li għadna ngawdu sal-lum.
Hu qal li l-istorja se tikkonċentra fuq il-ġrajja kbira fejn seba’ mitt kavallier iddefendew lill-pajjiż kontra l-invażjoni ta’ erbgħin elf suldat Tork bix-xwieni tagħhom.
Mistoqsi dwar ir-rwol tiegħu, jekk hux bħala direttur, attur jew producer, Gibson spjega li l-importanti li jkun fuq dan il-proġett, partikolarment bħala produttur, waqt li diġà qed jikkontribwixxi ma’ kittieb fuq l-iscript għal din l-istorja meraviljuża.
Gibson kien f’Malta f’nofs Settembru fejn ukoll iltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja, waqt li dar diversi nħawi, bħall-Belt Valletta, l-Imdina u l-Birgu, fost l-oħrajn.
Il-Kummissarju għall-Films Johann Grech, li wkoll akkumpanja lil Gibson fil-ġranet li għamel fostna, iddeskriva dan bħala riżultat ieħor tal-ħidma biex Malta u l-faċilitajiet ċinematografiċi li toffri jinġiebu għall-attenzjoni ta’ diretturi u produtturi kbar ta’ Hollywood, kif kien il-każ riċenti tal-blockbusters ‘Jurassic World: Dominion’, ‘Napoleon’ u ‘Gladiator 2’.