L-arrest ta’ mekkanik Bulgaru wassal lill-Pulizija biex jiskopru garaxx f’Ħal Qormi fejn kienu qed jinżammu karozzi misruqa biex jiġu żarmati u mibjugħa għall-parts.
Miroslav Mihalev, ta’ erbgħa u tletin sena minn Ħal Qormi, ġie akkużat b’pussess ta’ oġġetti misruqa u li qered l-evidenza ta’ reat li seħħ bejn it-tletin t’Ottubru u s-sitta ta’ Novembru f’żona ta’ parkeġġ f’Tal-Ħandaq.
Ir-raġel ammetta l-akkużi waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija, u reġa’ ammetta fil-Qorti anki wara li ngħata ċ-ċans biex jibdel l-ammissjoni tiegħu.
L-avukat difensur talab lill-Qorti biex timponi l-piena minima fil-konfront tal-akkużat, peress li qed jgħin lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet.
Qal li l-akkużat ilu jgħix Malta aktar minn ħdax-il sena u għandu rabtiet b’saħħithom ma’ pajjiżna.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Shawn Pawney u Stephen Gulia.
Is-sentenza se tingħata fl-ewwel ta’ Diċembru u Mihalev ingħata l-libertà proviżorja, fuq garanzija personali ta’ tlett elef ewro u bil-kundizzjoni li jiffirma f’għassa darba f’ġimgħa u jkun id-dar f’ċertu ħinijiet.