- Temperaturi medji tal-arja u tal-baħar 1°C ogħla min-norma klimatika
- Viżibbiltà mnaqqsa f’erba’ okkażjonijiet minħabba partikoli tat-trab u ċpar
- Ħafna anqas xita mill-ammont mistenni f’dan iż-żmien tas-sena
Temperaturi ogħla min-norma klimatika u sigħat twal ta’ xemx ikkaratterizzaw ix-xahar ta’ Mejju, u żgur li niżlu tajjeb ma’ koppji li kellhom it-tieġ ippjanat għax-xahar li għadda. Madankollu, dan it-temp sabiħ kien interrott minn żewġ maltempati bir-ragħad u s-sajjetti, fit-12 u t-13 tax-xahar. 12.9 sigħat ta’ xemx irrekordjati fil-31 ta’ Mejju, ġabu x-xahar fi tmiemu fuq nota tassew imdawla.
Ix-xahar li għadda kien ħafna aktar xemxi milli mistenni, u fil-fatt gawda minn ’il fuq minn 21 siegħa aktar min-norma għal dan iż-żmien tas-sena. B’kuntrast, ir-rekords meteoroloġiċi juru li fl-14 ta’ Mejju ix-xemx ma ħarġet xejn u b’hekk dan kien l-aktar jum mudlam tax-xahar.
Barra minn hekk, kopertura ta’ sħab medja ta’ 2.7 oktas tindika li, b’mod ġenerali, sħab imferrex kien osservat mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tul ix-xahar. Madankollu, il-viżibbiltà kienet imnaqqsa f’erba’ okkażjonijiet differenti; fil-11 u t-12 ta’ Mejju minħabba partikoli tat-trab sospiżi fl-arja, u fis-6 u s-16 ta’ Mejju minħabba ċ-ċpar.
It-temperaturi medji tal-arja u tal-baħar f’Mejju t-tnejn kienu 1°C ogħla min-norma klimatika ta’ 19.8°C u 18.0°C rispettivament, u ħajru lil ħafna jaqbżu l-ewwel qabża l-baħar. It-temperatura minima l-aktar baxxa – 12.8°C – ġiet irreġistrata fl-ewwel ta’ Mejju, filwaqt li ogħla temperatura massima laħqet it-30.8°C fit-tieni Ġimgħa tax-xahar.
Dan il-jum kien pjuttost mirjieħ u fih ġiet irreġistrata buffura riħ ta’ veloċità ta’ 44 knot. Tul ix-xahar għamlet ukoll anqas xita milli mistenni u t-total imkejjel kien dak ta’ 0.6mm, jiġifieri 7.9mm anqas min-norma klimatika għal Mejju. Nida li niżlet fi tlitt ijiem separati kkontribwiet għal dan l-ammont.