Mejju ta’ din is-sena kien l-aqwa xahar għat-turiżmu f’dawn l-aħħar sentejn, mill-bidu tal-pandemija ’l hawn. Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li minnhom irriżulta li, f’Mejju li għadda, ġew 226,987 turist f’pajjiżna.
Dan jikkonferma l-irkupru ta’ dan is-settur mid-daqqa tal-pandemija.
Meta wieħed iqabbel Mejju li għadda max-xahar ta’ qablu, April, it-turisti f’pajjiżna żdiedu bi kważi għoxrin elf.
Id-differenza tidher ċara meta wieħed iqabbel Mejju ta’ din is-sena ma’ Mejju tas-sena ta’ qabel. Id-differenza fi żmien sena kienet ta’ 201,033 turist.
Matul Mejju ta’ din is-sena, ġew f’pajjiżna għal btala 197,007 turist.
42.5% tat-turisti li ġew f’artna bħala turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena. 28.5% fil-mija kellhom bejn il-45 u l-64 sena.
35.2% tat-turisti ġew minn Franza, mill-Ġermanja, u mill-Italja.
Skont l-NSO, meta mqabbel max-xahar ta’ April f’dan il-perjodu żdied anki l-għadd ta’ ljieli li qattgħu f’Malta t-turisti. F’April li għadda n-numru ta’ ljieli kien iżjed minn miljun u mitejn elf, filwaqt li f’Mejju n-numru ta’ ljieli kien ta’ iżjed minn miljun tlett mija u ħamsin elf lejl.
Hawnhekk, id-differenza kienet ta’ kważi mija u tmienja u tletin elf lejl.
In-nefqa bejn xahar u ieħor żdiedet b’iżjed minn €36 miljun. In-nefqa mit-turisti matul ix-xahar ta’ Mejju kienet ta’ 174.8 miljun ewro.