Ir-riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid se tinkludi bidliet drastiċi fl-estetika tal-pjazza, hekk kif iż-żona pedonali se tiżdied sew u għalhekk it-trasport li jgħaddi fit-triq tal-madwar se jkun affetwat. Għalhekk qabel ma jibdew ix-xogħlijiet, kull dettall huwa skrutinizzat bir-reqqa mill-Awtorità tal-Ippjanar, biex isir tajjeb mal-ewwel.
Kien għalhekk li t-Tnejn filgħodu l-Awtorità tal-Ippjanar, bħala entità indipendenti, talbet lill-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta biex jagħmel xi kjarifiki ta’ tlett aspetti fil-pjanta oriġinali.
Il-Unit Manager tal- Awtorità, Anthony Borg, stqarr li dawn it-tibdiliet m’għandhomx itellfu l-proġett innifsu u li t-tibdiliet neċessarji għandhom ikunu ppreżentati sad-dsatax ta’ Lulju, meta l-Awtorità tiddeċiedi jekk għandiex toħroġ il-permess meħtieġ.
Madanakollu l-attività fil-pjazza bdiet diġa hekk kif bi qbil mal-Awtorità tal-Ambjent u NGOs ambjentali s-siġar ta’ madwar il-pjazza tneħħew fi Frar li għadda biex ma jmutux u tħawlu fl-akwati tal-Addolorata.
Fi stqarrija, il-Kunsill Konsultattiv qal li huwa konvint mill-vijabbilita u l-fattibilita ta’ dan il-proġett realistiku. Għalhekk immedjatament se jkun qed jagħti l-informazzjoni addizzjonali kollha li ntalbet biex jimmaterjaliżża dan il-proġett li jgħaqqad lir-residenti, il-kommunita kummerċjali, u dawk kollha li għandhom interess tan-naħa t’isfel ta’ Malta, speċjalment Raħal Ġdid li tul is-snin żviluppat f’ċentru ewlieni tal-pajjiż.
Il-Kunsill Konsultattiv temm jgħid li Pjazza Antoine De Paule se ssir pjazza tan-nies b’importanza lill-aspett ambjentali u lill-konsumatur.