Iktar minn 600 familja vulnerabbli qed jibbenefikaw minn apparat domestiku iktar effiċjenti.
L-effiċjenza fl-apparat tal-enerġija tgħin biex familja tħallas inqas kontijiet tal-enerġija. Bil-għan li anke familji vulnerabbli jgawdu minn dan, il-Gvern qed iħaddem skema fejn jgħin biex l-apparat ikun mibdul. Bħala parti minn din l-iskema se jkun hemm iktar minn 600 familja li se jkollhom l-apparat domestiku tagħhom mibdul.
F’kummenti mal-gazzetta KullĦadd, l-Inġinier Charles Grixti mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma spjega li se jinbidlu fridge freezers, washing machines u airconditioners.
“Dawk ikkunsidrajniehom bħala l-iktar tliet appliances komuni li se ssib għand ħafna minn dawn in-nies, u huma wkoll appliances li jikkunsmaw ammont konsiderevoli ta’ elettriku u ilma. Allura jagħmlu sens li tattakka lilhom.”
L-iskema tinsab fit-tieni fażi tagħha, u b’kollox se jkunu ntefqu €330,000 f’apparat domestiku ġdid.
Grixti spjega li din l-iskema taħdem b’kollaborazzjoni mal-Appoġġ, Leap u l-Aġenzija Sapport. “Jiġbdulna l-attenzjoni ta’ nies li jkunu vulnerabbli, u ġaladarba jkunu identifikati min-naħa tagħhom, imbagħad flimkien magħhom immorru għand il-persuna u nagħmlu żjara fil-post biex inkunu nistgħu nesegwu l-proċess tal-bdil tal-apparat.”
Kull familja tibbenefika minn bdil t’apparat domestiku wieħed, filwaqt li jingħatawlha pariri apposta għaliha fuq kif tista’ tkompli tnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-ilma.
“Waqt li tkun qed issir iż-żjara, l-uffiċjal min-naħa tagħna jiddiskuti mal-individwu fuq l-appliances kollha li jkollu fid-dar, kemm dawk li jaħdmu bl-elettriku, li ovvjament ħafna minnhom jaħdmu hekk, u oħrajn bħall-washing machines li jużaw l-ilma wkoll. Jingħataw pariri fejn wieħed ikun jista’ joqgħod attent biex inaqqas u ma jkollux ħela. U b’hekk inkunu qed nilħqu min-naħa tagħna żewġ aspetti: wieħed ta’ tnaqqis ta’ ħela ta’ enerġija u ilma, u l-ieħor li nkunu qed ngħinu lill-persuna vulnerabbli li jkollha bżonn ċerta għajnuna minħabba l-istat li tkun fih.”
Fl-ewwel fażi nbidlu mal-250 apparat domestiku, filwaqt li fit-tieni fażi, li tinsab fil-bidu tagħha, għandhom jinbidlu qrib it-375 apparat.
“L-ewwel fażi, li ntemmet qisu f’nofs is-sena l-oħra, konna qassamna mal-242 appliance. Dik issa għalqet. Fil-preżent beda t-tqassim tal-appliances tat-tieni fażi f’xi nofs Lulju. It-tieni fażi fiha madwar 375 appliance u s’issa għadna fil-bidu u tqassmu xi 50. L-iskop huwa li nkomplu nqassmuhom biex sal-aħħar tas-sena nkunu qassamniehom kollha. B’hekk b’kollox inkunu qassamna bejn l-ewwel fażi u t-tieni fażi fuq 600 appliance.”
L-iskema ma timxix fuq bażi t’applikazzjoni, iżda fuq rakkomandazzjoni ta’ entitajiet soċjali. Fil-fatt, meta jsiru ż-żjarat fid-djar, ikun hemm uffiċjal mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma kif ukoll uffiċjal mill-entitajiet soċjali.
Ir-rispons kien wieħed pożittiv ferm, filwaqt li qed ikun assigurat li jkunu milħuqa l-familji vulnerabbli kollha.
“Ir-rispons bilfors kien tajjeb fis-sens li jekk inti persuna ħa ttiha appliance ġdid fjamant b’garanzija ta’ ħames snin u ħa tibdel l-appliance li kellha qadima u taħli, ir-rispons żgur ħa jkun tajjeb. It-tieni fażi nfetħet għax bla dubju ta’ xejn ir-rispons tal-ewwel fażi kien tajjeb imma wkoll għax deher li kien għad fadal nies vulnerabbli li kien għad fadlilhom li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema.”