Illum ġew ippubblikati erba’ avviżi legali. Il-ħsieb wara dawn l-avviżi legali huwa li ssir medjazzjoni wkoll qabel ma jsiru kawża inkonnessjoni ma’ kirjiet li ġew kostitwiti qabel il-31 ta’ Mejju 1995, quddiem il-Bord li jirregola l-Kera.
Permezz ta’ ieħed mill-avviżi legali qed jidħlu fis-seħħ numru ta’ regolamenti bil-għan li jiġi stabbilit il-qafas legali neċessarju ta’ proċedura li għandha tiġi segwita sabiex il-medjazzjoni mandatorja għal kirjiet ‘antiki’ jew ‘protetti’ tkun tista’ ssir b’mod iktar effettiv.
Avviż legali ieħor jirrigwardja r-regolamenti dwar it-tariffa ta’ drittijiet li jitħallsu lill-avukati u lill-professjonisti li jipprovdu s-servizz tagħhom waqt il-proċess ta’ medjazzjoni, liema tariffi japplikaw f’każ li l-parti ma taqbilx mod ieħor mal-avukat tagħha.
L-għan tal-aħħar avviż legali huwa li jemenda r-Regolamenti dwar it-Tariffa tad-Drittijiet tal-Att dwar il-Medjazzjoni li jipprovdi li d-dritt ta’ reġistrazzjoni applikabbli għal tilwim riferut liċ-Ċentru tal-Medjazzjoni mill-Bord li jirregola l-Kera jkun mingħajr ħlas.
Dawn l-emendi jaslu wara li fix-xhur li għaddew, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis inawgura ċ-Ċentru tal-Medjazzjoni li jinsab fi Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta. B’hekk, issa ċ-ċittadin jista’ jagħżel li ma jidħolx il-Qorti u jsolvi dawn it-tilwimiet. Iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni se jgħin biex ikompli jħaffef il-proċessi ġudizzjarji ta’ pajjiżna u b’hekk iċ-ċittadin ikun moqdi bl-aħjar mod possibbli, b’ġustizzja orħos u b’inqas dewmien.