Skont l-aħħar statistika relatata mas-servizz tal-helpline 138, fil-21 ġimgħa mill-bidu tiegħu, daħlu total ta’ 14,474 telefonata – medja ta’ kważi 100 telefonata kuljum.
Minn dawn it-telefonati kien hemm 11,311-il telefonata relatati mal-BCA u 3,163 telefonata relatati mal-OHSA.
Dawn iċ-ċifri ħarġu fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, fejn intqal l-amministrazzjoni u l-impjegati tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, u dik tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, komplew bil-kampanja ta’ għarfien dwar il-helpline 138.
Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat tas-sena niżlu f’diversi komunitajiet fosthom fil-Belt, f’Tas-Sliema, f’Buġibba u f’Raħal Ġdid, fejn mhux biss setgħu jwieġbu għad-domandi taċ-ċittadini, imma qassmu wkoll fuljett informattiv lill-ħaddiema dwar dak kollu relatat mas-saħħa u s-sigurtà u l-kostruzzjoni.
L-aktar ġimgħa li fiha daħlu telefonati kienet bejn il-25 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru fejn daħlu 1,100 telefonata għal medja ta’ 157 telefonata kuljum, filwaqt li l-inqas ġimgħa li fiha daħlu telefonati kienet proprju l-ġimgħa bejn it-23 u d-29 ta’ Diċembru fejn minkejja l-jiem ta’ festi xorta daħlu 216-il telefonata għal medja ta’ 31 telefonata kuljum.
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, min-naħa tiegħu, spjega li s-servizz tal-138 ġab liż-żewġ awtoritajiet flimkien biex jilqgħu l-ilmenti tan-nies b’mod aktar effettiv biex ikunu jistgħu jindirizzawhom skont kif meħtieġ.
Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-rispons tan-nies waqt dawn is-sessjonijiet fil-komunitajiet fejn bħala awtoritajiet setgħu jkomplu jifhmu x’jista’ jsir biex ikompli jitjieb dan is-servizz.
“L-attività tal-lum kienet waħda minn erbgħa li saru dawn l-aħħar ġimgħat fejn in-nies min-naħa tal-BCA u l-OHSA niżlu fil-pjazez flimkien ma’ nies oħrajn u l-pubbliku ġenerali biex nifhmu eżatt l-issues li seta’ jkun hemm u anke nieħdu l-kummenti diretti tan-nies konċernati, tal-poplu inġenerali.”
L-Aġent Kap Eżekuttiv, BCA, Roderick Bonnici
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Josianne Cutajar, żiedet tgħid li l-awtorità hi riżorsa għal kull ħaddiem f’pajjiżna li ġej minn kwalunkwe settur u permezz ta’ din il-helpline, mhux biss kompliet tissaħħaħ din ir-riżorsa, imma din hi linja diretta ta’ kif dak li jkun jista’ jirrikorri għandha b’mod aktar effiċjenti.
“Bil-138, l-awtorità mhux biss hi riżorsa, imma din hi linja diretta biex dak li jkun, ikun jista’ jirrikorri għalina.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Josianne Cutajar
Il-Ministru Jonathan Attard sostna li dan kollu ma kienx ikun possibbli li kieku ma kienx l-impenn tal-uffiċjali tal-awtoritajiet.
“Irrid nirringrazzja lill-uffiċjali taż-żewġ awtoritajiet tal-BCA u tal-OHSA mhux biss għal-impenn li qed juru biex joffru servizz, imma wkoll għall-impenn li għandhom li jkomplu jsaħħu s-servizz ipprovdut liċ-ċittadini tagħna.”
Il-Ministru Jonathan Attard