Mediterran stabbli u wieħed fil-paċi jwassal biex ikollna l-Ewropa stabbli.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg, fl-għeluq ta’ laqgħa oħra tal-MED 9, li saret f’pajjiżna.
Dan hekk kif, matul il-jum tal-Erbgħa, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin u Segretarji tal-Istat tad-disa’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu f’Palazzo de Piro, l-Imdina, biex jiddiskutu temi komuni għar-reġjun tal-Mediterran.
Din is-summit, li hu t-tieni wieħed Ministerjali, li qed isir f’pajjiżna, wara dak li sar tal-enerġija f’Mejju li għadda, bi preparazzjoni għal-laqgħa tal-mexxejja tal-MED 9, li se jsir f’pajjiżna fid-29 ta’ Settembru li ġej.
Hawnhekk il-mexxejja se jintlaqgħu mill-Prim Ministru Malti Robert Abela u se jkun hawn preżenti l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.
Qal, “L-importanza li nkunu vuċi waħda meta niltaqgħu biex niddeċiedu fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ippreparajna għal-laqgħa tal-mexxejja li ssir aktar tard dan ix-xahar, fejn nista’ ngħid li lħaqna ftehim dwar l-iżjed temi komuni.”
Ir-rappreżentanti minn dawn id-disa’ pajjiżi tkellmu dwar aktar kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-MED 9, biex anki jwassal li jkun hemm struttura għal dawn il-laqgħat.
Dawn il-pajjiżi tkellmu temi komuni li joltqu lill-Mediterran.
Qal, “Iva, irridu nkomplu niġġieldu l-immigrazzjoni rregolari, niġġieldu l-kriminalità ta’ min qiegħed jittraffika lin-nies, kif ukoll anke temi oħrajn, bħar-reviżjoni tal-fondi, il-qafas multi-annwali.”
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, barra s-swar tal-Imdina, il-Ministru Borg esprima d-dieqa tiegħu f’isem pajjiżna għat-telf ta’ ħajjiet minħabba l-għargħar fil-Libja u t-terremot fil-Marokk.
F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru Borg tenna dwar l-importanza ta’ dawn il-laqgħat li jolqtu lill-ħajja taċ-ċittadini.
Qal, “Pożittivament sorpriż kemm ninsabu fuq vuċi waħda u dan jawgura tajjeb, mhux biss għal-laqgħat li jmiss issa, imma anke għal deċiżjonijiet li jkollhom l-effett fuq il-ħajja tan-nies, tan-nies tal-Ewropa, tan-nies Maltin l-oħrajn. Allura dak hu l-mod ta’ kif dan il-Gvern qed jaħdem, anke fuq livell Ewropew u Mediterranju.”