L-anzjani m’għandhomx ikollhom jagħżlu bejn ikel u mediċini iżda rridu naraw li jingħataw l-mediċini kollha b’xejn lil anzjani kollha.
Hekk stqarr id-deputat Laburista, Robert Abela waqt konferenza stampa fi spiżerija fil-Fgura, fejn hemmhekk ta iżjed dettalji dwar il-proposta li l-anzjani kollha ikunu intitolati għall-mediċini li jkollhom bżonn mingħajr ħlas. Spjega kif dan il-gvern żied il-pensjonijiet wara żmien twil iżda fadal iktar x’isir. Il-kandidat għal mexxej tal-Partit Laburista qal kif l-anzjani tagħna wkoll ikkontribwixxew għal qagħda ekonomika pożittiva f’pajjiżna u huwa għalhekk li l-pajjiż irid iroddilhom lura.
Qal kif “Dik hija l-bażi kollha wara l-proposta, l-apprezzament lejn il-ħidma tal-anzjani tagħna tul is-snin li bis-saħħa tagħhom qiegħdin fejn ninsabu llum. Hija proposta li tqum mir-ruħ soċjali li għandu l-Partit Laburista, mill-għeruq soċjali li għandu l-Partit u għaldaqstant din il-proposta hija waħda ‘costed’, hija waħda li tista’ ssir, hija waħda li rajna eżattament kemm ser tiswa u nemmen ukoll li b’żieda fit-titjib tas-servizz tas-saħħa li kellna sal-lum nistgħu inkomplu ntejbu u noffru dan is-servizz aħjar ta’ mediċini b’xejn għall-anzjani kollha tagħna, penzjonanti kollha tagħna.”
Dr. Abela stqarr li din l-proposta tista’ ssir b’nefqa ta’ 40 miljun ewro fis-sena u għalhekk din hija proposta li tista’ titwettaq.