Fil-jum iddedikat għall-pazjenti bil-kanċer, pajjiżna żied mediċina oħra kontra l-kanċer fuq il-formularju tal-Gvern biex tibda tingħata b’xejn. Dan filwaqt li kompla jitkabbar ir-riżors uman f’pajjiżna fil-ġlieda kontra l-kanċer. Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet mal-Ministru Carmelo Abela fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Chris Fearne spjega li l-mediċina ‘Everolimus’, li tintuża għall-kanċer avvanzat fosthom għall-tumuri tat-tip ‘neuroendocrine’ ser tkun qed tingħata b’xejn lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Huwa spjega kif din il-mediċina tiswa mat-tlett elef ewro fix-xahar għal kull pazjent, fejn persuna ġieli ddum tieħodha għal sena sħiħa.
“Illum ħabbart mediċina ġdida oħra għal kontra l-cancer li daħħalna fuq il-formularju tal-Gvern. Issa għal dawn l-aħħar sentejn u nofs, tnax-il mediċina ġdida li jfisser li aktar pazjenti jkollhom is-serħan tal-moħħ li jekk ikollhom l-inkwiet li jridu jħabbtu wiċċhom mal-marda tal-kanċer almenu ser isibu l-mediċini mingħajr ħlas li jridu jieħdu għat-trattament tagħhom.”
Huwa spjega kif minn dan ix-xahar ser ikun qed jiżdied ħaddiem ieħor bħala nurse navigator biex in-numru ser ikun qed jiżdied għal tmienja sal-aħħar tax-xahar id-dieħel b’żieda ta’ żewġ ħaddiema oħra.
Il-Ministru fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali, spjega kif għalkemm pajjiżna affaċċja wkoll il-pandemija, il-Ministeru għas-Saħħa implimenta jew qiegħed fi stadju avvanzat li jimplimenta 71% tal-miżuri kollha li jaqgħu taħt dak id-dekasteru.
“Il-Ministeru tas-saħħa fil-proposti elettorali li huma marbuta mal-istess qasam għandu performance tajba ħafna u tajba ħafna meta wieħed iqis li f’daqqa waħda anke aħna kellna bħala pajjiż nikkumbattu mal-pandemija globali li ħakmet lil ħaddieħor. Jiġifieri filwaqt li iva wieħed ma jistax jiċħad li kien hemm ċertu riżorsi li kienu mitfugħin fuq oqsma u kellhom jiġu allokati biex nikkumbattu l-pandemija, pero r-ritmu ta’ twettieq tal-manifest elettorali baqa’ għaddej b’mod b’saħħtu.”
Matul l-2020 in-nefqa fuq is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna kienet ta’ €753 miljun. Dan jammonta għal 13.3% tan-nefqa totali tal-Gvern.
Intqal kif dan il-perċentwal din is-sena se jitla’ għal €824 miljun jew 14.5% tan-nefqa totali tal-Gvern. Minn din iċ-ċifra ġew ivvutati €22 miljun speċifikament għat-trattament tal-kanċer.