Il-Gvern żied mediċina oħra fil-formularju tiegħu li se tibda’ tingħara b’xejn għall-kura tal-kanċer.
Il-mediċina Cetuximab, li tiswa madwar sebgħa u għoxrin elf ewro għal kull pazjent, hija mediċina innovattiva li tintuża għall-kura tal-kanċer tal-musrana l-kbira u r-rectum li jkun infirex, kif ukoll ċertu kanċer tar-ras u tal-għonq.
Din il-mediċina se tingħata permezz ta’ infużjoni fid-demm fuq bażi ta’ outpatient fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo fuq medda ta’ sitt xhur.
Ta’ kull sena se jibbenefikaw minnha ħamsa u għoxrin pazjent u bħalissa diġà hemm tlettax -il pazjent li se jingħataw fdin il-mediċina.
B’hekk il-mediċini għall-kura tal-kanċer fil-formularju tal-Gvern telgħu għal mija, disgħa u għoxrin hekk kif din is-sena żdiedu żewġ mediċini ġodda.
Aktar kmieni din is-sena ddaħħlet ukoll il-mediċina Nivolumab li tintuża fil-kura tal-melanoma, kanċer tar-ras, linfoma u l-kanċer tal-pulmun. Minnha ser jibbenifikaw mija, ħamsa u ħamsin pazjent.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern fil-qasam tas-Saħħa hija l-ġlieda kontra l-marda tal-kanċer.
Stqarr li l-formularju tal-Gvern jaħseb għal ammont kbir ta’ mediċini għal kwalunkwe marda u għal din is-sena l-ispiża mistennija tkun ta’ madwar 120 miljun ewro.