Madwar tletin pazjent fis-sena b’kanċer avvanzat fil-prostata u li jkun inferxilhom f’partijiet oħra ta’ ġisimhom se jibdew jingħataw il-mediċina Abiraterone li minn din il-ġimgħa daħlet fil-formularju tal-Gvern.
Ma’ ONE NEWS, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega l-benefiċċji ta’ din il-mediċina.
“Minn din il-ġimgħa pazjenti li għandhom kanċer mifrux fil-prostata, irġiel naturalment, se jkunu jistgħu jaċċessaw mingħajr ħlas mediċina ġdida ta’ kontra l-kanċer tal-prostata, li tfisser li dal-pajenti li s’issa kien ikollhom jixtruha u tixtri mal-€50,000 kull trattament, issa se jsibuha mingħajr ħlas fuq il-formularju tal-Gvern.”
Ħafna drabi din il-mediċina tingħata lil pazjenti rġiel li l-kanċer tagħhom ikun waqaf iwieġeb għal trattament oħrajn. Madankollu hemm każijiet fejn tingħata mill-ewwel għal pazjenti li jkolllhom kanċer avvanzat fil-prostata.
Din il-mediċina tgħin biex il-kanċer jinżamm taħt kontroll u ġie pprovat li tgħin lill-irġiel jgħixu aktar. Apparti minn hekk tgħin biex jiġu trattati sintomi bħalma hu l-uġigħ u l-għejja li jġib miegħu l-kanċer.
Id-dħul ta’ din Abiraterone fil-lista ta’ mediċini b’xejn li joffri l-Gvern tmur id f’id mal-wegħda tal-Gvern jpoġġi l-ġlieda kontra l-kanċer bħala prijorità ewlenija fil-qasam tas-saħħa.
“Aħna nistmaw li hemm madwar 30 pazjent fis-sena li jkollu dan it-tip ta’ kanċer mifrux. Lill-Gvern se tiswih mas-€600,000 fis-sena imma dawn huma flus li aħna nagħtuhom mill-qalb għax nafu li dawn il-pazjenti għandhom verament bżonn l-għajnuna tal-istat u permezz ta’ din il-mediċina ngħinu lil dawn il-persuni wkoll.”
Apparti d-disponibbiltà ta’ mediċini b’xejn għall-pazjenti, pilastri ewlenin oħra fil-ġlieda kontra l-kanċer jinkludu:
Dawn kollha qegħdin ikunu indirizzati bħala parti mill-istrateġija nazzjonali dwar il-kanċer li tnediet madwar sentejn ilu.