Prodotti li magħmula bl-ingredjent magħruf bħala cannabidiol, li huwa ingredjent li l-bażi tiegħu hija l-kannabis se jiġu klassifikati bħala mediċini fir-Renju Unit minn din is-sena.
L-aġenzija regolatorja tal-mediċina, MHRA, qalet li din id-deċiżjoni ttieħdet bl-għan li jiġu regolarizzati dawn it-tip ta’ prodotti li preżentament, qed jintużaw minn persuni li għandhom mard sejru.
Mhux l-ewwel darba li qrajna u smajna dwar riżultati pożittivi li ħallew prodotti magħmula mill-kannabis, bl-aġenzija tistqarr li kienu diversi l-kumpaniji tal-mediċini li għamlu dikjarazzjonijiet favur l-istess prodotti.
L-aġenzija li tirregola l-mediċini saħqet li se jkun aċċertat li l-prodotti li se jiġu klassifikati bħala mediċina se jkunu konformi mal-istandards kollha tal-mediċina.
Il-pjanta tal-kannabis mhux biss għandha effetti negattivi iżda għandha ukoll elementi mediċinali.
- THC – wieħed mill-ingredjenti tal-kannabis jintuża bħala droga
- CBD – jintuża bħala mediċina
Fir-Renju Unit, għaddejja kontroversja sħiħa dwar din id-deċiżjoni hekk kif l-istess deċiżjoni jaf iġġib magħha riperkussjonijiet fuq dawk li qed jagħmlu użu minn din il-mediċina preżentament, fosthom pazjenti tfal.