F’pajjiżna, permezz tal-Kumpanija Awstraljana MGC Pharma, ġiet żviluppat mediċina ġdida bl-isem ta’ CimetrA.
Din il-mediċina f’forma ta’ spray tal-ħalq, se tgħin persuni u pazjenti fl-isptarijiet li jbatu minn mard respiratorju, fosthom dawk bil-Covid-19.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-binja ġdida b’investiment ta’ madwar erba’ miljun ewro mnejn se tiġi mmanifatturata l-mediċina, fejn ġie spjegat li bħalissa għaddejja riċerka klinikali sabiex eventwalment CimetrA tidħol fis-suq farmaċewtiku.
Fl-indirizz tiegħu, il-Fundatur ta’ MGC Pharma Nativ Segev, semma li kieku ma kienx għall-għajnuna li sabu mill-Gvern u l-Malta Enterprise, kieku l-investiment ma setax iseħħ.
Hawnhekk huwa tenna wkoll kif dan l-investiment se jara żieda ta’ bejn tlettax u għoxrin impjieg f’pajjiżna.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Karl Magro, il-persuna li ser tkun qed tieħu ħsieb il-manifattura u l-kwalità tal-prodott.
Qal, “Illum kellna nibnu dan l-impjant li fih kollox automted li jasal ukoll biex nipproduċu madwar 24,000 vjalu kuljum. Il-prodott huwa spray għal ġol-ħalq u jbatti l-inflamazzjoni u jevita milli nies imorru l-isptar minn mard bħal Covid.”
Hawnhekk intqal ukoll kif meta din il-mediċina imbagħad tidħol fis-suq, se tiġi impurtata lejn pajjiżi kbar bħall-Amerika, l-Indja u pajjiżi oħrajn fl-Ewropa.
Il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli qalet kif il-Malta Enterprise ffinanzjat tmenin fil-mija ta’ dan il-proġett.
Spjegat, “Min-naħa tagħna ser inkomplu naraw li jkollna dawk l-inċentivi b’saħħithom bħal mhu dan il-każ, għaliex dan l-investiment ġie grazzi wkoll għall-investiment AID li sar speċifikament għal prodotti li huma relatati mal-Covid. Għaliex wara kollox irridu li fejn ikun hemm sfida noħorġu opporunità u MGC Pharma huwa propju dak li għamlet.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista responsabbli mill-Awtorità tal-Mediċini qal kif investimenti bħal dawn qed ikun ta’ benefiċċju għall-profesjonisti Maltin u Għawdxin.
Qal, “Dan iġib ħafna xogħol għan-nies akkademiċi tagħna f’Malta u apparti hekk importani li aħna nigarantixxu li dawn il-prodotti ikunu tal-iktar benefiċċju għall-pazjenti tagħna u b’hekk niżguraw aċċessibilità u affordibilità.”
Intant, MGC Pharma kienet ukoll l-ewwel kumpanija li mmanifatturat prodotti ta’ kannabis mediċinali f’Malta, fejn fiż-żmien li ġej mistennija wkoll tagħmel aktar investiment f’dan il-qasam.