Persuni li għandhom l-HIV se jibdew jingħataw l-aktar mediċina avvanzata fis-suq.
Ħabbret dan is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Rosianne Cutajar.
“Ninsab f’pożizzjoni li niżvela li wara diskussjonijiet li kelli mal-Ministru tas-Saħħa, fix-xhur li ġejjin, persuni li għandhom l-HIV ħa jkunu qegħdin jibdew jingħataw l-aktar mediċina avvanzata li ovvjament tindirizza l-HIV.”
Fl-elfejn u dsatax, tnejn u sebgħin persuna f’Malta irriżultaw fil-pożittiv għall-virus tal-HIV.
Numru li jirrifletti mhux biss iż-żieda fil-popolazzjoni, imma wkoll il-frott ta’ aktar testijiet u sforzi li qed isiru mill-GU Clinic fl-Isptar Mater Dei biex aktar nies jieħdu ħsieb is-saħħa sesswali tagħhom.
Fost oħrajn, fl-elfejn u sbatax beda jsir test ġdid għall-HIV fil-GU Clinic imsejjaħ Rapid Testing, li jagħti riżultat f’għoxrin minuta.
Minkejja li ħafna jaħsbu li l-maġġoranza ta’ dawk bl-HIV huma persuni omosesswali, kull attività sesswali mingħajr protezzjoni tista’ twassal għall-virus tal-HIV.
F’dan il-kuntest, is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet li fiż-żmien li ġej, se jsiru kampanji t’għarfien biex tiżdied l-edukazzjoni fost il-pubbliku dwar mard trasmess sesswalment u l-kura li teżisti.
“Bla dubju, aħjar nipprevenu milli nikkuraw. Fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin, ħa nkunu qegħdin naraw kif anki nagħmlu kampanji fuq livell nazzjonali sabiex nipprevenu milli persuni ikollhom mard li huwa trasmess sesswalment u agħar minn hekk, l-HIV.”