Iddaħħlet mediċina ġdida għall-kanċer tas-sider fil-formularju tal-Gvern.
Fluvstrant injection se tkun qed tingħata b’xejn lill-pazjenti li jkollhom bżonnha.
Fi stqarrija l-Gvern qal li huwa stmat li madwar 15-il pazjenti kull sena se jkunu qegħdin jingħataw din il-mediċina.
B’din il-miżura qed titwettaq wegħda elettorali oħra fil-manifest tal-Gvern li l-ġlieda kontra l-kanċer tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-qasam tas-saħħa.
Din hija miżura f’din id-direzzjoni li biha l-Gvern se jkunu qiegħed jagħti dinjità u tama ġdida lil pazjenti milqutin minn din il-marda.
Matul l-aħħar snin ddaħħlu fuq il-formularju tal-gvern diversi mediċini għall-kanċer fosthom għall-kanċer tas-sider, prostata, pulmun u ġilda.
Matul l-2020 biss, huwa stmat li l-Ministeru għas-Saħħa se jkun qed jonfoq madwar tmintax-il miljun ewro għall-mediċini ġodda tal-kanċer.