Il-Ministeru għas-Saħħa kompla jżid mal-lista twila ta’ mediċini fil-formularju tal-Gvern.
Dan hekk kif waqt konferenza fl-isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-mediċina LAMAs ser tkun disponibbli b’xejn għal dawk li jbatu minn marda respiratorja kronika partikolari.
Dwar din il-kundizzjoni COAD jew Chronic Obstructive Airway Disease, tkellimna mal-Professur Stephen Montefort hekk kif spjega l-effetti tagħha.
Huwa qalilna: “Insibuha komuni ħafna speċjalment fil-Punent tad-dinja tiġi fuq ħafna nies li jpejpu. Mhux fuq kulħadd imma fuq ħafna nies u din tnaqqas il-kwalità tal-ħajja tal-bniedem għax dan għandu ċans jaqta’ ħafna aktar nifsu meta jeżerċita ruħu, ikollu ħafna iktar infezzjonijiet fis-sider, ikun iktar jipproduċi bili u ma jkunx jista’ jagħmel affarijiet li jixtieq.”
Huwa spjega wkoll l-effett ta’ din il-mediċina ġdida: “Dawn l-inhalers li introduċa l-Ministeru jgħidulhom LAMAs, (Long Acting Muscarinic Antagonists), jaħdmu fuq il-pajpijiet tan-nifs billi jiftħuhom u allura tidħol iktar arja f’dawk il-partijiet tal-pulmun li għadhom tajbin u jnaqqas il-problemi ta’ bili. Minħabba f’hekk il-pazjent ikollu iktar nifs, ikun jista’ jimxi u l-iktar importanti, jnaqqas l-attakki li potenzjalment jistgħu jitfgħuh fi sptar jew potenzjalment agħar.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif din il-mediċina li tiġi f’forma ta’ inhalers mhux biss ser ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi, iżda wkoll tkompli tnaqqas il-piż fuq l-isptarijiet f’pajjiżna.
F’pajjiżna aktar minn 6,000 persuna jbatu minn din il-kundizzjoni.
Huwa stqarr: “Wara li daħħalna l-mediċina tal-prostata ftit tal-ġimgħat ilu, Illum qegħdin inħabbru mediċina, inħalers li jaffettwaw pazjenti li jbatu minn mard kroniku tal-pulmun li dawn fix-xitwa ħafna minnhom ikollhom jidħlu mhux darba imma 3 jew 4 darbiet l-isptar f’xitwa sħiħa. Dawn l-inħalers ħa jnaqqsu l-bżonn li l-pazjenti jidħlu l-isptar imma fuq kollox ħa jtihom kwalità ta’ ħajja aħjar u saħħa aħjar.”