Inqas minn tliet ġimghat wara l-elezzjoni, bdiet tieħu l-ħajja l-proposta fis-settur tas-saħħa li fi żmien tliet snin se tara l-mediċini tal-kanċer kollha fuq il-Formularju tal-Gvern.
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-mediċina Mitomycin-C, li tintuża fuq pazjenti bil-kanċer fil-bużżieqa tal-awrina, se tibda tingħata b’xejn minn nhar it-Tnejn.
Mediċina li mhux biss se tfisser aktar flus fil-but għall-pazjenti Maltin u Għawdxin, iżda se ġġib magħha benefiċċji ta’ saħħa wkoll; hekk kif tnaqqas iċ-ċans li l-kanċer jinfirex bin-nofs.
Huwa stmat li b’din il-miżura, li se tiswa lill-Gvern mal-€250,000 fis-sena, se jgawdu mat-300 pazjent kull sena.