Ġie ppubblikat avviż legali li, permezz tiegħu, persuni li jbatu mill-kundizzjoni tal-osteoporożi se jkunu qed jibbenefikaw minn mediċini ġodda b’xejn.
Dan wara li ġie emendat avviż legali li issa jinkludi l-kundizzjoni tal-osteoporożi fil-lista tal-kundizzjonijiet għal trattament mediku bla ħlas.
L-osteoporożi hija kundizzjoni tas-saħħa li ddgħajjef l-għadam, u tagħmlu fraġli, bir-riżultat li jżid ir-riskju li jinkiser.
Huwa stmat li 12 fil-mija tal-popolazzjoni li għandha aktar minn 50 sena tbati minn din il-kundizzjoni.
Din il-kundizzjoni tolqot l-iktar lin-nisa anzjani. Madankollu, tolqot ukoll liż-żgħażagħ.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, spjega li s’issa, peress li din il-kundizzjoni ma kinitx fuq il-kartuna s-safra, il-pazjenti li jbatu minn din il-kundizzjoni kienu jħallsu minn buthom għall-mediċini essenzjali.
Il-Ministru Fearne spjega li, permezz ta’ dan l-avviż legali, faxxa usa’ ta’ persuni se jibbenefikaw minn mediċini li jitrattaw il-kundizzjoni tal-osteoporożi.
“Minn din il-ġimgħa, qed nippubblikaw avviż legali, grazzi wkoll lill-Ministru tal-Politika Soċjali, biex b’hekk minn dawn il-jiem, l-osteoporożi se tkun qed tidħol fil-kartuna safra. Dan ifisser li, fil-ġimgħat li ġejjin, se nkunu qed nintroduċu mediċini ġodda fuq il-Formularju tal-Gvern, pass pass, biex dawk l-eluf ta’ pazjenti li minn issa jbatu mill-osteoporożi jkunu jistgħu jieħdu l-mediċini b’xejn.”