Il-Mediterran huwa magħqud fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti qabel is-summit tal-MED9, fil-kapitali Griega, Ateni.
Il-MED9 ilaqqa’ flimkien il-pajjiżi tal-Mediterran li jinsabu fl-Unjoni Ewropea sabiex jiddiskutu affarijiet reġjonali.
Il-Prim Ministru qal li huwa importanti għar-reġjun tal-Mediterran sabiex tkun indirizzata b’serjetà l-kriżi tat-tibdil fil-klima.
Huwa qal dan fl-isfond li l-Ħamis, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza minn Fondi Ewropej ta’ Malta huwa l-iżjed wieħed favur l-ambjent fl-Unjoni Ewropea.
Dr Abela qal kif f’dan is-summit kien hemm żewġ prijoritajiet ewlenin, dik tal-bidla fil-klima u l-pandemija.
Dwar il-pandemija, il-Prim Ministru qal kif issa huwa importanti l-irkupru ekonomiku, iżda wkoll is-saħħa taċ-ċittadini.
Għall-ewwel darba f’dan is-summit ingħaqdu l-Islovenja u l-Kroazja, bil-Prim Ministru Malti jfisser din iż-żieda bħala waħda importanti.
Dan hekk kif issa dan il-grupp ta’ pajjiżi għandu terz tal-membri stati tal-Unjoni Ewropea fih.
Dr Abela saħaq kif dan iwassal għal koperazzjoni aktar b’saħħitha.
F’dan is-summit kien hemm preżenti l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Qabel beda s-summit, Ursula von der Leyen qalet kif hemm bżonn soluzzjoni għall-bidla fil-klima.
Dan hekk kif il-Mediterran qed ikun affettwat minn din il-kriżi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-mexxejja tad-disa’ stati tal-Mediterran, il-Prim Ministru Malti saħaq li huwa essenzjali li dawn il-pajjiżi jikkoperaw flimkien sabiex jaddottaw strateġiji u miżuri li jkunu effettivi f’dan il-mument kruċjali.