Huwa fundamentali li ż-żewġ partiti joqogħdu attenti li l-proposti li jsiru għall-elezzjoni ġenerali jkunu costed minn qabel biex b’hekk ma jkunux biss wegħdi fiergħa.
Dan qalu d-Direttur Ġenerali tal-Malta Employers Association Joe Farrugia, waqt li kien qed jippreżenta memorandum lill-partiti politiċi, li jinkludi proposti li l-għan ewlieni tagħhom huwa li l-ekonomija ta’ pajjiżna li kibret bla preċedent fl-aħħar erbà snin tkompli tissaħħaħ.
Farrugia saħaq ukoll li l-memorandum li sar mill-Assoċjazzjoni erbà snin ilu kien immirat biex l-ekonomija ta’ pajjiżna ma tibqax f’defiċit. Fil-fatt wara erbà snin ta’ Gvern Laburista, d-defiċit inbidel f’surplus li huwa mbassar li jkompli jiġi rreġġistrat fis-sena 2017 u 2018.
Il-President tal-MEA, Dolores Sammut Bonniċi saħqet dwar l-importanza li l-wegħd għandhom ikunu costed minn qabel biex kemm il-ħaddiema u min iħaddem ikunu jafu l-partiti x’qed jipproponu qabel l-elezzjoni.