Kollaborazzjoni bejn l-iGaming Academy u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija wasslet biex tnieda l-ewwel kors tal-iGaming, li minn dan ix-xahar se jkun disponibbli għal madwar elf student tal-ICT fl-MCAST.
Imdawwar b’għexieren ta’ studenti prospettivi, Jamie Debono, il-Managing Director tal-iGaming Academy, spjega kif dan huwa l-ewwel kors tal-iGaming li qed isir f’istituzzjoni edukattiva nazzjonali, u l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fuq livell Ewropew.
Kors pilota li għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar l-opportunitajiet li jeżistu f’industrija li fil-preżent timpjega disat’elef persuna fuq bażi full-time; iżda li minnhom huma biss madwar tlett’elef Maltin.
Waqt konferenza ndirizzata minn rappreżentanti fl-industrija tal-Gaming, tal-MCAST, u tal-Gvern, kien spjegat li fil-preżent hemm madwar elf post tax-xogħol disponibbli f’din l-industrija; iżda ħafna drabi l-ħiliet tal-Maltin miksuba fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma jkunux biżżejjed biex jimlewhom.
Għaldaqstant, dan il-kors – li jimmira li jiżra fl-istudenti qafas ta’ ħiliet li titlob l-industrija, kien deskritt bħala l-ewwel pass biex dawk kollha nteressati fis-settur iwelldu l-kapaċitajiet meħtieġa.
Il-Ministru tax-Xogħol u l-Edukazzjoni Evarist Bartolo stqarr li inizjattivi bħal dawn – li ddeskrivihom bħala mudell għal setturi oħrajn, huma importanti għax iwasslu messaġġ liż-żgħażagħ, li jeżistu orizzonti lil’hinn mix-xogħol tradizzjonali.