Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May mistennija tiltaqa ma’ mexxejja Ewropej u uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għal taħdidiet bil-għan li jkun salvat il-ftehim tagħha ta’ Brexit.
Hija se titkellem mal-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte u l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel wara li pposponiet il-vot finali tal-membri parlamentari Ingliżi fuq il-ftehim.
May qalet li għandha bżonn iktar assigurazzjonijiet fuq il-pjan tal-fruntiera mal-Irlanda ta’ Fuq sabiex ikollha l-appoġġ tal-Commons.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker insista li l-Unjoni Ewropea mhux se terġa tinnegozja, iżda qal li l-mexxejja se jiddiskutu kif se jgħinu biex ikun hemm ir-ratifikazzjoni mir-Renju Unit.