L-isforzi biex jiġi assigurat il-futur taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jgħixu fir-Renju Unit huma “l-ewwel pass iżda mhux suffiċjenti.” Dan qalu l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker b’reazzjoni għal dak li żvelat Theresa May dwar id-drittijiet ta’ ċittadini Ewropej li jgħixu fir-Renju Unit.
Fil-pjanijiet imħabbra mill-Prim Ministru Ingliża Theresa May, iċ-ċittadini Ewropej li ilhom jgħixu fir-Renju Unit għal ħames snin se jingħataw status speċjali li jassigura li jkollhom aċċess fost oħrajn għas-servizzi tas-saħħa.
Theresa May qalet li ċ-ċittadini jistħoqilhom ċertezza iżda l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal li jeħtieġ li jsir ferm iżjed.
L-istatus li tkellmet dwaru Theresa May jkun qed jagħti dritt liċ-ċittadini Ewropej li jibqgħu jirrisjedu fir-Renju Unit wara Brexit li mistenni jkun konkluż sat-30 ta’ Marzu 2019. Status li jkun qed jassigura li ċ-ċittadini tal-UE jingħataw l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini Ingliżi fejn jidħlu, fost oħrajn, pensjonijiet u edukazzjoni
Il-PM wiegħdet ukoll li s-sistema preżenti ta’ residenza tiġi simplifikata, li fost oħrajn tinkludi applikazzjoni ta’ 85 paġna.