Maximilian Ciantar, ir-raġel li xellef difru mal-ġustizzja diversi drabi weħel tletin jum ta’ priġunerija wara li nsulenta l-probation officer permezz ta’ xi posts fuq is-sit soċjali ta’ Facebook.
Ciantar ġie akkużat li nsulenta, hedded, ta fastidju, talli għamel użu ħażin ta’ apparat teknoloġiku u talli kiser kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża preċedenti.
Din m’hijiex l-ewwel darba li l-kantunieri tal-qrati raw lil Ciantar iħuf fihom hekk kif lura fl-elfejn u għaxra, Maximillian instab ħati li għadda minn fuq żewġ bniet bil-karozza u minn dik il-ġurnata ‘l hemm instab ħati diversi drabi u kellu wkoll sentenzi ta’ priġunerija.
Il-Probation Officer għamlet rapport wara li saret taf bil-kliem ta’ theddid li kien qed juża Ciantar lura fl-elfejn u sittax u ftit wara stqarret li Ciantar ma kienx qed jimxi mal-istruzzjonijiet.
Il-Maġistrat Caroline Farrigia innutat li l-posts ta’ Ciantar kienu posts offensivi u kienu miżgħuda b’diversi insulti iżda ma jammontawx għal theddid.
Minkejja dan, il-qorti nnutat li l-kummenti kien diretti lill-uffiċjal pubbliku waqt li kienet għaddejja bil-qadi ta’ dmirijietha u allavolja l-imputat kien irrabjat, ma kellu l-ebda dritt li jikteb rimarki oxxeni fuq Facebook.
B’hekk il-Qorti sabet lill-akkużat ħati talli nsulta lill-vittma u kkundannatu għal tletin jum ħabs u multa ta’ elf u ħames mitt ewro. Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-probation officer.