Miet l-Avultun Prim salvat minn BirdLife Malta fil-Port Ħieles ta’ Birżebbuġa. L-għasfur bl-isem ta’ Maximus kien ittieħed fi Sqallija u kien l-akbar għasfur li qatt ġie mgħoddi f’idejn BirdLife Malta biex tikkurah kemm ilha mwaqqfa din l-NGO.
L-għasfur kien fi stat ta’ ġuħ qawwi u l-espert fl-għasafar Natalino Fenech stqarr mat-Times li aktarx ma kellux jittieħed port ieħor daqshekk malajr wara li nstab hawn Malta. L-għasfur kellu jgħaddi minn bosta kedded – sakemm inqabad, naqqas ftit il-ġuħ u reġa’ ġie trasferit. L-għan kien li Maxiumus jittieħed post simili għal kif kien imdorri, malajr kemm jista’ jkun.
Aktarx li l-avultun kien ġej minn Spanja, u hemm, stqarr l-espert, għasafar rari ta’ dan it-tip jinżammu f’postijiet fejn in-nies jitimawhom. Għalhekk jemmen li Maximus ma mietx minħabba l-kuntatt man-nies, iżda minħabba li kien dgħajjef ħafna meta vjaġġa.
Birdlife Malta jirreaġixxu
Birdlife Malta qalu li jinsabu mdejqa bil-mewt tal-avultun, għaliex flimkien ma’ entitajiet Governattivi għamlu sforz biex l-għasfur jingħata l-aħjar trattament possibli.
Qalu li rrispondew bi ħġarhom għat-talba tal-Wild Birds Regulation Unit dwar l-ħarsien tal-avaltun, u kull darba li jkunu mitluba jgħinu, se jerġgħu jirrispondu b’ħeġġa.
L-għasfur kien għajjien meta wasal Malta, spjegaw il-Birdlife, u l-kundizzjoni ta’ saħħtu bdiet titjieb bilmod ħafna. Għasafar bħall-avaltun jeħtieġu attenzjoni speċifika li ma ssibhiex f’pajjiżna. Żiedu jirringrazzjaw lill-entitajiet kollha li kienu nvoluti fil-ħarsien tal-għasfur.