Maximilian Ciantar ta’ 27 sena residenti l-Marsa li għandu passat ta’ sewqan perikoluż inżamm arrestat illum wara li wieġeb mhux ħati li kiser il-kundizzjonijiet proviżorji wara li nqabad isuq minkejja li l-liċenzja tiegħu ġiet miżmuma mill-Qorti.
Huwa ġie arrestat wara li l-Pulizija leħmet lil Maximilian jsuq il-karozza tiegħu tat-tip Volvo l-Ħadd għall-ħabta tal-10.30. X’ħin il-Pulizija waqqfet lil Ciantar huwa allegatament hedded lill-uffiċjali tal-Pulizija u rreżista l-arrest.
Minkejja li fid-dikjarazzjoni tiegħu lill-pulizija, Ciantar ma kkontestax li hu kien qed isuq minkejja li liċenzja tiegħu kienet miżmuma, huwa insista li għamel dan għal raġuni valida għaliex ried jiġbor lil ibnu.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li Ciantar irreżista l-arrest u ħoloq kommossjoni fil-pubbliku. Qalet ukoll li meta kien qed jinżamm arrestat aktar tard il-Ħadd filgħaxija kkawża xi ħsarat fiċ-ċella. Id-difiża qalet li l-klijent ma ġiex trattat sew mill-Pulizija iżda l-Prosekuzzjoni qalet li fil-verità kien seħħ bil-kontra.
Il-Qorti ċaħdet it-talba biex Ciantar jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kiser il-kundizzjonijiet stretti li għamlet il-Qorti fl-2014. Ciantar diġà skonta sentenza ta’ sentejn il-ħabs wara li tajjar żewġ tewmin f’Ħ’Attard.