Dejjem kienet il-ħolma ta’ Beppe Caruana, tifel ta’ disa’ snin, li huwa fuq l-spettru tal-Awtiżmu li jmur fl-ispazju u permezz ta’ ktieb li kiteb, bil-għajnuna tal-Malta Trust Foundation, din il-ħolma kienet possibbli.
Beppe jissaħħar bl-ispazju għaliex dan huwa l-unika post fejn is-saħħa tal-gravità ma tiġbdux ‘l isfel magħha.
Fil-ktieb tiegħu huwa qal li l-Ispazju kien eżatt bħal kif immaġinah u ħassu verament magħqud mal-kumplament tal-univers għaliex dak kollox li kien jinkwetah għeb. Huwa spjega kif seta’ wkoll iċapap u jgħajjat kemm xtaq mingħajr ħadd ma jħares lejh.
Waqt it-tnedija tal-ktieb, omm Beppe, Olivia Galea Seychell, stqarret kif fil-ktieb joħorġu ħsibijiet interessanti fuq dawk b’abbiltajiet differenti.
Spjegat kif, “Li nifmu u napprezzaw li persuni b’kundizzjonijiet għandhom id-diffikultajiet tagħhom hija importanti. Naħseb nistgħu nifhmuhom iktar issa bir-restrizzjonijiet li għandna tal-Coronavirus u r-restrizzjonijiet li kien hemm u Beppe filfatt ħalaq ħafna paralleliżmu li persuni b’awtiżmu għandhom il- limitazzjonijiet u s’issa aħna li m’għandniex kundizzjoni bħal dawn nistgħu nifhmu kemm ir-restrizzjonijiet ukoll jistgħu fil-fatt jaffettwawna.”
Waqt it-tnedija ta’ dan il-ktieb kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana flimkien mal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.
Il-Ministru saħqet li d-diżabilità m’għandiex ixxekkel it-tagħlim.
Qalet, “Hija esperjenza sabiħa immens għaliex qed naraw kif bil-mod ta’ kif qegħdin nimplementaw politika tal-inklużjoni, tfal bl-Awtiżmu qed jingħataw wkoll l-opportunità. Qed naraw lil Beppe li saħansitra kiteb ktieb fuq l-esperjenzi tiegħu ”
Minn naħa tagħha, Coleiro Preca qalet li l-ktieb ta’ Beppe huwa ċelebrazzjoni ta’ poplu differenti.
Qalet, “Qed niċċelebraw bħala poplu dak li nemmnu fih li huma l-abbiltajiet li kull wieħed u waħda minna għandna. Kollha għandna abbiltajiet differenti u dawn l-abbiltajiet differenti u diversi tagħna jagħmluna l-poplu li aħna, poplu sabiħ u poplu li għandu għalxiex jiċċelebra d-diversità.”
Hi qalet wkoll li Beppe u tletin tifel u tifla oħrajn bħalu bbenifikaw minn apparat elettroniku li għenhom itejbu l-mod ta’ kif jitgħallmu.
Il-mawra ta’ Beppe ma tieqafx hawn għaliex issa huwa mistenni li jmur oħra sal-oċejan li teħles lil dan it-tifel minn nuqqas ta’ ftehim li jkollu fil-ħajja ta’ kuljum.