Bl-emendi fil-kostituzzjoni li għaddew b’mod unanimu fil-Parlament, intweriet maturità politika hekk kif poteri li sal-lum kienu f’idejn il-Prim Ministru jew il-Gvern issa għaddew għand firxa ta’ istituzzjonijiet diversi fosthom il-Parlament.
L-avukat u analista politiku Dunstin Camilleri għamel din l-analiżi meta mistoqsi dwar is-sitt liġijiet li jemendaw il-kostituzzjoni li għaddew mill-Parlament l-Erbgħa filgħaxija.
Huwa spjega: “Il-persuni li jokkupaw dawn l-irwoli ċentrali u ewlenin fil-pajjiż tagħna jkollhom qbil mhux biss tal-leġislattiv b’mod ġenerali imma effettivament tan-nies il-poplu normali li jkun eleġġa l-membri parlamentari qegħdin jirrapreżentawh fil-Parlament.”
Dr. Camilleri semma wkoll li billi l-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni qablu fuq dawn il-bidliet, intweriet il-maturità politika fuq affarijiet li sa ftit ilu kienu jwasslu għal diverġenzi kbar bejn iż-żewġ naħat.
Huwa sostna: “Nistgħu noqgħodu bilqiegħda u niddiskutu ċertu affarijiet li m’hemm għalfejn tinħoloq kontroversja fuqhom. Dawn il-key roles ħa jinfluenzaw lil pajjiż tagħna allura ladarba inti tmexxi l-pajjiż trid tmexxih bl-aktar mod tajjeb possibbli. Inti trid tħobbu ‘l pajjiżek u la tħobbu trid tiddiskuti biex ikollok l-aħjar mekkaniżmi legali u morali biex timxi.”
Ir-riformi tressqu ‘l quddiem mill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis bħala parti mill-pakkett ta’ riformi li pajjiżna qed jagħmel favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, ir-riformi fil-ġudikatura u anki l-governanza t-tajba.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet intlaqgħu mill-Kummissjoni Venezja u anki mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-President, Ursula Von der Leyen.
Intant is-sit awtorevoli Politico, irrapporta dan l-iżvilupp pożittiv li seħħ fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Politico rrapporta dwar il-ħatra tal-President tar-Repubblika biż-żewġ terzi u lill-Gvern mhux se jibqa’ jaħtar hu Maġistrati u mħallfin.