Matul is-sena li għaddiet, Infrastructure Malta bniet mill-ġid mija u sitt toroq residenzjali. Dan ifisser li, bħala medja, saru żewġ toroq fil-ġimgħa matul l-2024.
Ix-xogħlijiet biex triq tinbena mill-ġdid, jibdew billi jinbidlu jew jissaħħew is-sistemi ta’ taħt l-art li jwasslu s-servizzi prinċipali fid-djar u fin-negozji fl-inħawi, skont ma jkunu talbu l-entitajiet rispettivi li jipprovduhom.
Qabel ma jsir il-wiċċ b’diversi saffi t’asfalt, l-aġenzija tagħmel testijiet u ssaħħaħ il-pedamenti tat-triq kif ukoll ittejjeb il-bankini.
L-għażla tat-toroq li għandhom jingħataw prijorità biex jinbnew mill-ġdid issir billi l-aġenzija tikkonsulta mal-kunsilli lokali u entitajiet oħrajn konċernati, kif ukoll tikkunsidra talbiet għall-għajnuna li jsirulha mir-residenti. Issir ukoll analiżi teknika tal-istat preżenti tat-triq.
Dwar ħidmet din l-aġenzija, tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tagħha, Steve Ellul, li spjega li, meta jsiru l-pjani tax-xogħlijiet f’kull lokalità, din tikkunsidra wkoll li dawn ma jolqtux ħażin attivitajiet fl-inħawi, bħalma hu l-każ ta’ toroq li jinsabu f’żoni turistiċi u dawk qrib l-iskejjel.
“Importanti ħafna li xogħol mhux biss isir, imma importanti ħafna li jsir bl-inqas inkonvenjent possibbli għan-nies. Allura qed naraw li meta tinqala’ triq jgħaddu s-servizzi kollha li hemm bżonn. U qed nikkomunikaw ukoll man-nies. Importanti għalina li nkomplu niddiskutu man-nies. Nispjegaw x’se nkunu qed nagħmlu.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul
Minbarra l-bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta tieħu ħsieb il-manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji madwar il-pajjiż. Ħafna minn dan ix-xogħol isir matul il-lejl, fejn il-volum tat-traffiku f’dawn it-toroq ikun ħafna inqas u jgħin biex jitnaqqas kemm jista’ jkun mill-inkonvenjent matul il-ġurnata.
Minbarra hekk, se jkompli x-xogħol li beda fl-aħħar ġimgħat fuq il-proġett kbir tal-Imsida Creek, li qiegħed jitqies bħala żvilupp infrastrutturali sinifikanti għaż-żona.
“Għaddej b’ritmu tajjeb ħafna x-xogħol fuq l-Imsida. Dħalna issa fit-tieni fażi ta’ dan il-proġett. Issa qed naraw ukoll numru ta’ toroq ġodda li qed jinfetħu apposta biex inkomplu nwessgħu x-xogħlijiet tagħna fl-Imsida. Mhux biss, però, għax se jkomplu x-xogħlijiet fil-Pjazza ta’ Buġibba li se jkompli jgħaqqad max-xogħol li sar mal-ferry ta’ Buġibba.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta fakkar ukoll li ħidmet l-aġenzija jmur lil hinn mix-xogħlijiet fuq it-toroq u tieħu ħsieb ukoll proġetti marittimi. Tali xogħlijiet li wkoll se jkomplu f’din is-sena l-ġdida.
“Proġett ta’ Vjal Kulħadd. Hemmhekk għandna evalwazzjoni fuq kważi 40 proposta li rċivejna mingħand il-kunsilli lokali, proposti sbieħ ħafna li jagħtu prijorità għal min irid jimxi, jiġri jew inkella juża r-rota fihom. Għaddejjin bl-evalwazzjoni tagħhom.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul