Matul l-2023 saru 360,941 telefonata fuq in-numru tal-emerġenza 112. Kwart minnhom biss, 89,320, kienu telefonati relevanti.
Bħala parti mill-attivitajiet biex ifakkru l-jum iddedikat lill-112 fl-Ewropa, saret attività mill-forzi tal-ordni u s-servizzi tal-emerġenza biex joħolqu għarfien akbar dwar l-użu responsabbli ta’ dan in-numru.
Din is-sena l-attività saret fl-iskola primarja tal-Gudja u għaliha, minbarra tfal ta’ etajiet varji, attendew ukoll il-Ministru tal-Intern, Sigurtà, Riformi u Ugwaljanza Byron Camilleri u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, fejn ilkoll setgħu jaraw x’isir meta persuna ċċempel in-numru 112.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li mid-89,320 telefonata ġenwina li daħlu fil-control room tal-112, 77% (68,797-il telefonata) kienu każijiet t’emerġenza medika u ġew indirizzati lis-servizz tal-ambulanza tad-Dipartiment tas-Saħħa.
13% (11,747-il telefonata) għaddew għand id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili filwaqt li 10% (8,570-il telefonata) kienu indirizzati lill-pulizija. 206 telefonati marru għand il-Forzi Armati biex joffru l-għajnuna meħtieġa.
Il-Ministru Camilleri tenna l-ħtieġa tal-użu responsabbli tan-numru 112 għaliex telefonata b’ingann jew b’ċajta tista’ tfisser ħajjet xi ħadd li jkun qed jistenna biex juża dan is-servizz. “In-numru 112 għandu jintuża biss għall-emerġenzi. Huwa minnu li mqabbel ma’ sentejn ilu t-telefonati mhux relevanti jew b’ingann fuq il-112 naqsu, iżda għadna ’l bogħod milli tassew nuru sens ċivili fl-użu tal-linja ta’ emerġenza,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri aċċenna wkoll fl-investiment qawwi li qed isir sabiex il-forzi tal-ordni jkollhom l-għodda ħalli jwieġbu għas-sejħiet b’mod iktar effettiv. Fil-fatt, kull telefonata fuq il-112 titwieġeb f’medja ta’ tlett sekondi, għaldaqstant huwa appella lill-pubbliku biex juża l-112 b’mod responsabbli.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza ta’ edukazzjoni sħiħa li tinkludi wkoll suġġetti lil hinn mill-kurrikulu. “L-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 il-ġdida tiffoka wkoll fuq edukazzjoni li twassalkom biex titilgħu bħala ċittadini responsabbli. Dan qed nagħmluh għaliex it-tagħlim li tieħdu fl-iskejjel mhux qiegħed hemm biss biex titgħallmu s-suġġetti akkademiċi, imma wkoll biex twassalkom li tkunu ċittadini denji u tieħdu sehem f’dak kollu li jkun qed isir madwarkom b’mod responsabbli,” stqarr il-Ministru Grima.