Għoxrin punt erba’ biljun ewro hu l-ammont ta’ investiment dirett barrani li kien hemm is-sena li għaddiet f’pajjiżna, bil-maġġoranza jkunu fis-servizzi finanzjarji u dawk tal-assigurazzjoni.
Dan ikkontribwixxa biex fi tmiem is-sena l-oħra, l-istokk tal-investiment dirett barrani f’pajjiżna laħħaq għal aktar minn erbgħa mija u tletin punt ħames biljun ewro. Żieda fl-istokk nazzjonali ta’ ħmistax-il biljun fuq l-2022.
Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, it-Tlieta, fejn ukoll ġie żvelat li l-investiment dirett minn Maltin barra l-pajjiż laħħaq għal tmintax punt sitt biljun ewro s-sena l-oħra.
Fil-maġġoranza tiegħu dan kien magħmul minn ishma u unitajiet ta’ investiment.
Dan fisser li, sa tmiem is-sena li għaddiet, assi Maltin investiti barra l-pajjiż kienu jammontaw għal erba’ mija u erbgħa punt erbgħa biljun ewro. Aktar minn disgħa u disgħin fil-mija ta’ dawn l-investiment ukoll huma f’attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni.