Matul l-elfejn u għoxrin il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’ Diżabilità ħarġet aktar minn elfejn blue badge, dokument legali tal-Kummissarju tal-Pulizija li jinħareġ fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità lil persuni li għandhom mobilità severa, permanenti jew temporanja. Dawn ikunu intitolati wkoll għal dokument rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea.
B’kollox, fl-elfejn u għoxrin inħarġu elfejn, mija u disa’ u ħamsin Blue Badge, u ġew imġedda elf dokument.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’ Diżabilità, Samantha Pace Gasan spjegat li meta din tiskadi, it-tim tas-Servizzi jipproċessa l-applikazzjoni biex din tiġġedded. Id-dokumenti skaduti jintbagħtu lura lill-Kummissjoni.
Hija spjegatilna: “Bħalissa hawn madwar ħdax-il elf u tmien mitt badge hemm barra. Ovvjament nistgħu ngħidu li huwa proċess li iktar ma jgħaddi żmien aktar qed ikollna persuni li japplikaw għallih.”
Spjegat ukoll li tul l-elfejn u għoxrin, il-Kummissjoni rċeviet erbgħa mija, ħamsa u sebgħin talba għal investigazzjonijiet, il-maġġoranza b’rabta mal-allegat użu ħażin jew abbuż ta’ blu badge, filwaqt li tressqu tmienja u tmenin rapporti dwar aċċessibilità. Fl-istess ħin kien hemm disa’ u tletin talba għal investigazzjoni dwar il-qasam edukattiv, u disa’ u tletin ilment ieħor dwar l-għoti ta’ servizzi u faċilitajiet.
Pace Gasan sostniet: “Minkejja li saru diversi sforzi biex ikun hawn kuxjenza dwar dak li huwa blue badge, ħafna mid-drabi għadna nsibu nies li jagħmlu użu ħażin blue bay parking, jew ma ikollhomx blue badge, jew anke jkollna sitwazzjonijiet fejn isiru kopji tal-blue badge, u dak huwa att kriminali. Min-naħa tagħna ninvestigaw li nkunu qegħdin nagħmlu huwa li ninvestigaw u nintervjenu.”