Il-Kummissjoni għall-Anzjani ħadmet sabiex jinħoloq iżjed għarfien dwar diversi suġġetti li jolqtu lill-anzjani filwaqt li kompla jiġi żgurat li d-drittijiet tal-anzjani jiġu applikati mid-dipartimenti, mill-aġenziji u mill-entitajiet kollha kkonċernati.
Dan kien punt li spikka fir-rapport annwali li l-Kummissarju għall-Anzjani Mary Vella ppreżentat lill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.
Fl-istess rapport, il-Kummissjoni għall-Anzjani stqarret ukoll li b’mod regolari tirċievi talbiet għal għajnuna u assistenza minn anzjani u qraba. Il-Kummissjoni stqarret li rċeviet ukoll numru ta’ ilmenti u kkonfermat li kull każ ġie studjat u fejn ma kienx xogħol tal-Kummissjoni li ssolvih, il-każ ġie riferut għand l-awtoritajiet ikkonċernati.
Matul is-sena l-oħra, il-Kummissjoni pparteċipat ukoll fi programmi televiżivi u anki fuq ir-radju bil-għan li jinħoloq iżjed għarfien dwar id-drittijiet tal-anzjani, dwar temi importanti bħalma huma s-solitudni u l-abbuż fuq l-anzjani, u anki dwar il-benefiċċji psikoloġiċi li jiġu minn parteċipazzjoni soċjali u minn stil ta’ ħajja attiva.
Il-Kummissarju għall-Anzjani, Dr Mary Vella spjegat li minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, il-Kummissjoni kompliet bil-ħidma tagħha li teduka u tara li drittijiet tal-anzjani jiġu mħarsa.
Hija qalet, “Kienet sena straordinarja, diffiċli u bla preċedent. Minkejja dan kollu, minħabba l-pandemija komplejna xorta bil-ħidma tagħna għaliex nemmnu li Malta għandha tkun pajjiż fejn ir-rispett għadu dinjità u drittijiet tal-anzjani għandu jkun realtà f’kull qasam tal-ħajja.”
Waqt il-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Ministru Michael Farrugia qal li t-tagħlimiet li ttieħdu matul dan il-perjodu servew biex bħalma diġà tħabbar, fil-ġranet li ġejjin se jkun qed jiġi ppubblikat avviż legali b’numru ta’ standards soċjali biex jiġu regolati d-djar tal-anzjani.