Matul is-sena li għaddiet, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun approvat 513-il applikazzjoni għal proċeduri, li jvarjaw minn preservazzjoni ta’ bajd u sperma, għal ċikli tal-IVF.
Minnhom saru 124 ċiklu tal-IVF – tmenin fl-Isptar Mater Dei u 44 fi sptarijiet privati.
Dawn iċ-ċikli wasslu għal 28 tqala. Ħames nisa kellhom tarbija, fosthom koppja li kellha tewmin, u tmintax-il mara għadhom qed jistennew tarbija. Dan filwaqt li ħames nisa oħra korrew.
Ir-rata ta’ twelid f’pajjiżna hija ta’ ftit aktar minn 18%.
Id-Direttur tal-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijun Simone Attard spjegat li din ir-rata tiġi kkalkulata fuq diversi proċeduri li jkunu saru.
Hi spjegat: “Għandna rata vera baxxa ta’ suċċess fejn jidħol iffriżar ta’ bajd li kien diġà ffriżat qabel, hemmhekk ir-rata hija biss ta’ 7%. Għandna rata oħra ta’ 17% minn ċikli li nsejħu first cycles fejn jiġi ppickjat il-bajd, jinħoloq l-embrijun u jiġi trasferit, u għandna ċ-ċikli l-oħra li saru fejn intużaw diġà embrijuni ffriżati hemmhekk għandna iktar minn 30% suċċess. ”
Il-problema ta’ infertilità fost il-koppji li resqu għal trattament tal-IVF is-sena l-oħra, kienet ilha għaddejja bejn tliet xhur u 15-il sena.
Fi żmien li qed niġġieldu l-pandemija tal-Coronavirus, bħalissa ċ-ċikli tal-IVF huma weqfin, u dan qed iqajjem tħassib fost koppji li jixtiequ jsiru ġenituri.
Attard sostniet: “Ħafna mill-concerns huma dwar meta se jkomplu ċ-ċikli, ovvjament nistennew li jiġu lifted il-measures tal-COVID-19 biss ukoll qed ikollna min jistaqsina x’se jiġri mill-embrijuni ffriżati, kif iridu jkomplu bil-proċessi u aħna niggwidawhom accordingly.”
L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun waqqfet żewġ helplines 24 siegħa kuljum għal koppji li jixtiequ jagħmlu l-IVF u li qed jinkwetaw minħabba l-Coronavirus.
Dawn jistgħu jċemplu fuq: 25951650 jew 25951651.