Sa mill-bidu ta’ din is-sena, kważi mija ħamsa u sebgħin familja ngħatawlhom iċ-ċwievet sabiex jidħlu jgħixu f’-postijiet tal-akkomodazzjoni soċjali.
Dan bħala parti mill-ikbar proġett ta’ housing soċjali f’pajjiżna fl-aħħar erbgħin sena b’investiment ta’ mija u għaxar miljun ewro.
Ċifri li kiseb ONE News juru li l-allokazzjonijiet se jkomplu fix-xhur li ġejjin bil-pjan ikun li li jidħlu tliet mija u sebgħin familja f’postijiet ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna.
Il-programm sħiħ ta’ allokazzjonijiet ikompli fis-sena elfejn tlieta u għoxrin f’siti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali u siti ffinanzjati mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtoritá tad-Djar, Leonid McKay qal li l-Awtoritá ġriet wara kull ċavetta fejn spjega li b’hekk biss setgħet tibda tiġi indirizzata l-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali.
Il-Kap Eżekuttiv fakkar li f’dawn l-aħħar erba’ snin, dawk fuq il-lista ta’ stennija biex jingħataw housing soċjali kważi naqsu bin-nofs.
Is-Sur McKay irrimarka wkoll li l-applikanti għaddew minn għarbiel riġoruż biex ikun assigurat li dawn il-postijiet tal-Gvern jingħataw lil minn vera għandu bżonn.
“Il-Gvern impenja ruħu li wieħed mill-għanijiet ewlenin huwa li tiġi indirizzata l-lista ta’ stennija. Minn hawn beda pjan ta’ allokazzjoni. L-ewwel u qabel kollox beda l-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali, iżda fl-istess ħin kien għaddej proċess ieħor ta’ profiling fejn żorna kull persuna li kienet fuq il-lista ta’ stennija tal-Awtorità biex naraw il-bżonnijiet tiegħu.”
Il-Kap Eżekuttiv qal li dawn il-proġetti li qed jinbnew madwar Malta huma monument soċjali li se jkomplu jindirizzaw l-bżonnijiet tal-lum.
Huwa fakkar li dawn l-appartamenti mhux se jkunu għall-bejgħ u fl-ebda mument ma jistgħu jinxtraw, filwaqt li l-kirja soċjali se tinħadem skont id-dħul tal-inkwilin.
Is-Sur McKay sostna li l-binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li qed jinbnew madwar Malta ma jaħsbux biss għal bżonnijiet tal-preżent imma anke jaqdu l-ħtiġijiet tal-futur.
“Diversi blokki ta’ akkomodazzjoni soċjali li issa tlestew u bdew jintużaw mill-familji nfushom. Imma issa għaddejjin minn proċess ieħor biex naraw minn fejn nistgħu nġibu proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali u appartamenti mis-settur privat.”