Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS preżentat ir-rapport annwali dwar ħidmietha fl-2019. Ir-rapport juri kif f’dik is-sena l-Fondazzjoni ġiet allokata ‘l fuq minn dsatax-il miljun u sitt mitt elf ewro f’fondi.
Budget li tul is-snin baqa’ jiżdied skont it-tkabbir fl-ekonomija lokali. L-ammont ta’ ħaddiema li timpjega l-FSWS ukoll baqa’ jiżdied bi kważi 75% tal-impjegati ikunu professjonisti li jaħdmu direttament mal-klijenti tal-fondazzjoni. Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Alfred Grixti spjega kif hija minħabba dawn il-ħaddiema li l-fondazzjoni irnexxielha tagħmel is-suċċess li għamlet f’din is-sena.
Ir-rapport juri wkoll kif fl-2019 kompliet titnaqqas il-lista ta’ persuni fuq il-lista ta’ stennija għal servizz tal-FSWS.
Grixti nnota wkoll kif l-FSWS ikollha każijiet minn madwar Malta u Għawdex kollu u m’hemmx postijiet li għandhom ammont kbir ta’ lokalitajiet li għandhom iżjed każijiet minn oħrajn.
Grixti saħaq li 25 sena mit-twaqqif tagħha, il-Fondazzjoni qiegħda tmur għand min għandu bżonn l-għajnuna sabiex tkun iżjed effettiva.
Qal kif, “ Issa għandna preżenza fil-Fgura, għandna preżenza massiċċa fil-Qawra, għandna preżenza f’Għawdex, għandna preżenza fl-Imsida, qiegħdin dejjem inżidu l-Community Services tagħna u nfittxu n-nies u nħajru n-nies, aħna l-messaġġ tagħna huwa, jekk għandek problema tippruvax issolvieha waħdek. Fittex l-għajnuna għax hawn l-għajnuna.”
Iċ-Chairperson tal-FSWS, Joe Gerada rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Fondazzjoni, li f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija rnexxielhom ikomplu jagħtu s-servizz lil numru kbir ta’ persuni. Stqarr li dan huwa ż-żmien li fih din il-fondazzjoni u l-ħaddiema tagħha ser juru kemm verament huma dedikati u impenjati favur il-ġustizzja soċjali f’pajjiżna.
Spjega li, “Sabu l-mod kif they reach lil dawn in-nies u jagħtuhom servizz, għaldaqstant minkejja li hemm diffikultajiet bħalissa s-servizzi baqgħu għaddejjin u baqgħu jingħataw bl-istess integritá u bl-istess professjonalitá li kienu jingħataw qabel.”
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-fondazzjoni li kienu wara l-kisbiet li saru tul is-snin. Dan filwaqt li nnota kif issa l-pandemija ser tkun qed taffetwa aspetti differenti tas-soċjetà tagħna bi sfidi ġodda.