Matul is-sena l-oħra r-rata ta’ twelid f’Malta kienet akbar minn dik tal-imwiet.
Fil-fatt l-Aġenzija Identity Malta qalet li informazzjoni li għandu l-Uffiċċju Pubbliku tar-Reġistru jidher li matul is-sena l-oħra kienu rreġistrati 4,206 twelid u 3,570 mewta.
Fit-tielet sena fl-uffiċċju li Identity Malta għandha fl-isptar Mater Dei, b’kollox ġew ipproċessati aktar minn 15,000 notifika, 80% tagħhom kienu ta’ twelid u 45% minnhom kienu fuq imwiet.
Hija fakkret li ħaddiema li jaħdmu fi djar tal-anzjani, inkluż San Vinċenz de Paul jistgħu jirreġistraw l-imwiet, minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
Dan wara taħriġ li dawn il-ħaddiema ngħataw minn Identity Malta.
Din l-Aġenzija stqarret li sa issa ġew irreġistrati 300 notifika ta’ mewt minn San Vinċenz de Paul u djar ta’ anzjani oħra.
Matul l-2020 li kienet iddominata mill-pandemija, Identity Malta rat li wieħed ikun jista’ jirreġistra xi twelid jew mewt online.
L-aġenzija spjegat li s-sena l-oħra kienet ta’ sfida wkoll għall-koppji li kienu se jiżżewġu.
Identity Malta qalet li b’kollox ġew posposti 622 żwieġ.
Dawn il-koppji setgħu jirrinunzjaw, il-miżata tar-reġistrazzjoni online wkoll.
Identity Malta sostniet li matul is-sena l-oħra ġew irreġistrati 748 żwieġ biċ-ċivil, filwaqt li 326 taż-żwieġ reġistrati saru b’mod reliġjuż.
Din l-Aġenzija qalet ukoll li b’kollox ir-Reġistru Pubbliku ħareġ 56,200 ċertifikat, 52% minnhom ingħataw online mis-sit ċertifikati.gov.mt.