Matul il-lejl li għadda, madwar 40 inġiniera u tekniċi tal-Enemalta flimkien ma’ ħaddiema tal-kuntrattur komplew bix-xogħlijiet t’ emerġenza biex jissewwew ħsarat li żviluppaw f’diversi partijiet tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li wasslu għal qtugħ fil-provvista tal-elettriku f’diversi żoni.
Dan intqal fi stqarrija mill-Enemalta, fejn intqal li dan kien it-tielet infila mill-aktar impenjattiv għall-Enemalta li immobilizzat ir-rizorsi tekniċi tagħha biex kemm jista’ jkun tnaqqas il-ħin tal-interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku għall-klijenti.
F’diversi każi, il-provvista ngħatat lura f’ħin qasir kull fejn ikun possibbli li l-provvista tiġi restawrata b’cables alternattivi.
Ġew irreġistrati seba’ ħsarat matul il-lejl f’żoni differenti.
Fl-istqarrija ntqal li ħafna mill-ħsarat żviluppaw fil-cables ta’ taħt tal-art li jirrikjedu t-tħaffir tat-trinka fejn ikun indikat li żviluppat il-ħsara fil-cable.
Kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona, it-temp estrem ta’ dawn il-jiem, mhux biss żied id-domanda għall-elettriku iżda ikkawża pressjoni fuq in-network tal- cables minħabba t-temperaturi għoljin fuq il-wiċċ tat-toroq, bis-sħana tilħaq ukoll il-cables ta’ taħt l-art.
Il-bieraħ id-domanda għall-elettriku għall-ewwel darba fl-istorja tal-Enemalta qabżet is-600MW. Bl-Enemalta għandha għad-dispożizzjoni tagħha kapaċita l’ fuq minn 800MW.
Kif ġie spjegat waqt il-briefing tekniku mal-ġurnalisti, il-qtugħ fil-provvista tad-dawl mhuwiex dovut għan-nuqqas ta’ provvista iżda għal fatturi oħra fis-sistema tad-distribuzzjoni li ma jistgħux jiġu antiċipati. Dawn jinkludu estremitajiet tat-temp bħal m’huma l-mewġiet ta’ sħana għal numru twil ta’ ġranet.
L-Enemalta itenni l-impenn tagħha li tkompli bil-proġett biex isaħħaħ is-sistema kumplessa tad-distribuzzjoni biex dejjem tnaqqas l-ħsarat fil-provvista tal-elettriku u l-inkonvenjent li dawn joħolqu għal klijenti tagħna.